Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, f’attività politika fir-Rabat Għawdex għamel appell biex Laburisti, Nazzjonalisti, dawk li m’għandhomx partit, iż-żgħir, min iħossu waħdu u min qata’ qalbu mis-sistema, jingħaqad magħhom għax iħoss li dan huwa ż-żmien li l-Partit Nazzjonalista għandu jkun f’koalizzjoni mal-poplu Malti u Għawdxi. B’referenza għall-allegati serq u korruzzjonijiet min-naħa tal-Gvern, il-Kap tal-PN saħaq li anke l-Laburisti ma jifilħux iżjed tant li ta’ kuljum qegħdin imorru n-nies biex jagħmlu t-tessara magħhom.
Filwaqt li barra li attakka bla waqfien lill-Prim Ministru Robert Abela bi kliem bħal “dgħajjef, beżżiegħ, miġbud mill-ispag u magħżul biex jipproteġi lil dak ta’ qablu”, Grech sostna li Abela kien konsulent meta t-tliet sptarijiet ingħataw lill-Vitalis u li wara baqa’ jiddefendi l-istess kuntratti biex issa, “wara tliet ġimgħat li offrejtlu biex bl-assitenza tagħna (PN) jieħu l-flus lura, Abela għadu ma għamel xejn”.
Dan is-suġġett jaħraq sar f’Għawdex u kien għalhekk li l-Kap tal-Oppożizzjoni beda biex semma’ kif l-Għawdxin li jkollhom bżonn ta’ kura, f’xi każijiet vitali, dawn m’għandhomx is-servizz tas-saħħa li huwa bi dritt tagħhom għax bħala ċittadini dawn iħallsu t-taxxi wkoll.
Grech ħanbaq li, “l-isptar t’Għawdex kien l-unika sptar għall-Għawdxin fejn jekk jinqalgħalek xi ħaġa, kont isserraħ moħħok u tmur. Il-Gvern ta fuq platt tad-deheb lil dawk li serqulna aktar minn €400 miljun u m’għamlu ebda investiment.
Jinkwetani li kemm-il darba l-Għawdxin qiegħed ikollhom jinżlu Malta għal servizzi li jkunu vitali. Mhux ċajta li xi ħadd jaf li għandu diffikultajiet mediċi serji fosthom tal-qalb u jibża’ li fil-mument li l-aktar li jkollu bżonn biex xi ħadd jieħu ħsiebu u jsalvah, dan mhuwiex se jsib is-servizz. Hemm jidher fiċ-ċar kemm il-ħadma tal-PL f’dawn l-aħħar 10 snin kienet mingħajr kuxjenza.”
Huwa qal li l-Partit Laburista kisser kompletament is-sistema tas-saħħa u minflok ħares l-interess tal-poplu, iddefenda “kuntratt korrott” u “ħniżrijiet” tant li ddikjara li “imisshom jistħu”.
Il-Kap tal-PN temm biex għamilha ċara li kien Adrian Delia li ġab it-tliet sptarijiet lura għand il-poplu u talab biex ma jkunx hemm aktar serq minn flus il-poplu.