Saturday, November 1, 2025

Ekonomija b’Saħħitha – Futur għal Uliedna: Aktar minn €70 miljun fl-idejn tal-bdiewa u r-raħħala Maltin u Għawdxin

Aqra wkoll

Matul is-sena 2025, l-Aġenzija għall-Pagamenti Agrikoli u Rurali (ARPA) pproċessat kważi €70.5 miljun f’pagamenti taħt diversi skemi mill-Unjoni Ewropea u fondi nazzjonali, żieda ta’ 45% fuq is-sena ta’ qabel. Dan ifisser aktar għajnuna diretta fil-bwiet tal-bdiewa, aktar investiment fl-irziezet, u aktar appoġġ lejn il-komunitajiet rurali.

Dan tħabbar waqt żjara f’razzett tal-baqar f’San Ġwann, fejn il-Ministri Anton Refalo u Stefan Zrinzo Azzopardi ltaqgħu ma’ raħħal żagħżugħ Joseph Mizzi u missieru Salvatore Mizzi. Joseph Mizzi bbenefika minn skemi ta’ għajnuna għall-modernizzazzjoni tal-irziezet kif ukoll għajnuna għall-investimenti għall-bdiewa żgħażagħ.

Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo qal li dawn ir-riżultati juru kif il-fondi Ewropej u nazzjonali qed jaslu b’mod konkret għand min jaħdem l-art u jkabbar il-prodott lokali, billi jsaħħu l-kompetittività, il-modernizzazzjoni u s-sostenibbiltà tal-biedja Maltija.

“Dan huwa investiment fin-nies tagħna, fil-bdiewa u r-raħħala li jħaddnu l-art b’dedikazzjoni u jħarsu lejn futur sostenibbli. Il-Gvern qed jagħti sinjal ċar li jemmen fis-settur agrikolu, mhux biss bħala mezz ta’ produzzjoni, imma bħala pilastru tal-identità u s-sigurtà alimentari ta’ pajjiżna,” qal il-Ministru Refalo.

Fl-2025 aktar minn 6,600 applikazzjoni ġew ipproċessati, fosthom skemi ġodda għall-benesseri tal-annimali u għajnuna lill-bdiewa żgħażagħ biex jistabbilixxu ruħhom fis-suq. Aktar minn €40 miljun tħallsu fuq proġetti ta’ investiment konkreti li jsaħħu l-bażi tal-agrikoltura Maltija.

“Il-Budget 2026 jkompli jappoġġja s-settur, isaħħaħ il-komunitajiet rurali u jagħti direzzjoni ċara lejn agrikoltura moderna, sostenibbli u reżiljenti,” temm jgħid il-Ministru Refalo.

Il-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi faħħar l-impenn tal-bdiewa żgħażagħ u imprendituri oħra li bħal Joseph Mizzi qed jagħmlu użu mill-fondi Ewropej biex isaħħu l-operat tagħhom. Huwa saħaq li dan il-proġett hu eżempju ċar ta’ kif il-fondi tal-Unjoni Ewropea qed jaslu għand in-nies u qed jagħtu riżultati konkreti fil-komunitajiet rurali, bħal f’dan il-każ fil-qasam tal-biedja u l-produzzjoni tal-ħalib.

“Il-fondi Ewropej mhumiex biss dwar infrastruttura, imma dwar investiment fin-nies – fil-bdiewa, fil-ħaddiema u fil-familji. B’hekk inkomplu nibnu ekonomija li tkun sostenibbli, kompetittiva u tħares lejn il-futur,” qal il-Ministru Zrinzo Azzopardi. Huwa żied jgħid li l-Gvern se jkompli jaħdem biex isiru aktar proġetti b’fondi Ewropej f’diversi setturi u biex jinħolqu aktar opportunitajiet fis-settur agrikolu u lil hinn minnu.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport