Friday, November 7, 2025

Ekonomija b’Saħħitha – Futur għal Uliedna: Budget 2026 – l-akbar budget għas-settur tad-diżabilità

Jitħabbru dettalji dwar tliet proġetti ġodda b’risq il-persuni b’diżabilità

Aqra wkoll

Fi żjara fiċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum tal-Aġenzija Sapport fl-Imtarfa, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia semmiet uħud mill-miżuri mħabbra fil-Budget 2026 fir-rigward tas-settur tad-diżabilità. Fosthom tat dettalji dwar tliet proġetti ġodda bħall-ewwel hub inklussiv f’pajjiżna, li jaħseb għalihom il-Budget b’risq il-persuni b’diżabilità. Budget b’allokazzjoni finanzjarja ta’ €69 miljun li jirrifletti żieda ta’ €9.3 miljun fuq l-allokazzjoni finanzjarja tas-sena kurrenti.

L-ewwel proġett jittratta l-kostruzzjoni ta’ Ċentru ġdid ta’ Respite f’Ħad-Dingli. Il-Ministru Farrugia saħqet  kif dan iċ-ċentru huwa maħsub u ddisinjat għal żgħażagħ u minuri b’diżabilità. Proġett li huwa mistenni li jkun lest fl-aħħar kwart tas-sena 2026. “Huwa fatt magħruf li t-trobbija ta’ tfal b’diżabilità titlob impenn addizzjonali mat-trobbija tat-tfal. Il-ġenituri, jew membri oħrajn ta’ familja bi tfal b’diżabilità, jgħaddu ta’ spiss minn burnout minħabba li diffiċli jkollhom ħin ta’ mistrieħ. Ħin meħtieġ mhux biss fl-interess tal-ġenituri imma fl-interess ukoll tal-istess tfal u minuri. Ċentru bi tmexxija professjonali li apparti mistrieħ fiżiku jipprovdi wkoll mistrieħ mentali,” qalet il-Ministru Farrugia.

It-tieni proġett li trattat il-Ministru Farrugia huwa l-hub inklussiv se jsir ir-Rabat u se jkunu qegħdin jaħdmu fuqu l-Aġenzija Sapport u l-Kunsill Lokali Rabat. L-għan ta’ dan il-hub huwa li jinħoloq spazju mhux biss għal persuni b’diżabilità iżda għall-komunità Rabtija kollha. Minn żgħażagħ għal anzjani u għall-għaqdiet volontarji Rabtin. Se tkun faċilità li tipprovdi l-opportunità li jsiru attivitajiet flimkien u anke jintuża bħala spazju għall-użu tal-komunità Rabtija kollha.

It-tielet proġett huwa proġett pilota għal servizzi ta’ trasport aktar aċċessibbli għal persuni b’diżabilità. Għal dan il-għan se tissaħħaħ  b’mod sinifikanti l-iskema magħrufa bħala Empowerment Scheme li għandha l-għan li tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-persuni b’diżabilità sabiex ikunu jistgħu jixtru tagħmir speċjalizzat u li jippermettilhom ukoll jgħixu ħajja aktar indipendenti fid-dar tagħhom, fil-lokalità tagħhom, fil-komunità tagħhom. Is-servizz se jkun estiż ukoll għall-persuni kollha f’Malta u Għawdex li huma f’siġġu tar-roti inkluż anzjani u persuni b’diżabilità intellettwali li ma jistgħux jużaw trasport pubbliku.

Il-Ministru Farrugia tkellmet ukoll dwar iż-żidiet fl-assistenzi għal persuni b’diżabilità u carers kif jidhru fit-tabella t’hawn taħt.

BenefiċċjuŻiedaRati ġodda fil-ġimgħa
Assistenza Miżjuda għal Diżabilità Severa€ 6.89 € 206.50
Assistenza għal Diżabilità Severa€ 4.66 € 134.56
Assistenza għal Diżabilità € 4.66 € 107.28
Assistenza għal Persuni b’vista batuta€ 4.66 € 134.56
Allowance Miżjuda għal Carers€ 4.66 € 183.68
Allowance għal Carers€ 4.66 € 130.58

Ħabbret ukoll li mis-sena li ġejja se jiddaħħal ir-raba’ livell permezz tad-dħul tal-Benefiċċju għal diżabilità bir-rata ta’ 75% tal-Assistenza għal Diżabilità. Miżura ta’ sostenn għal dawk il-persuni li l-grad ta’ nonfunzjonalità tagħhom ma jkunx baxx imma jkun ftit inqas minn medju. S’issa persuni bħal dawn għadhom mhux koperti.

“Barra minn hekk il-Budget jaħseb ukoll għal żieda ta’ €179.24 għal €5,368.89 fis-sena  fil-Carer’s Grant li issa qed titħallas anke lil ġenituri li ma jaħdmux ta’ tfal b’diżabilità severa li għandhom inqas  minn 16-il sena. Żiedna wkoll r-rifużjoni ta’ ħlas għal terapiji li jingħataw tfal ta’ taħt is-16-il sena. Żieda ta’ €250 fis-sena biex issa din iċ-ċifra ttellgħet għal €1,000 fis-sena. Barra minn hekk il-Budget 2026 jaħseb ukoll biex l-eliġibilità għal din l-għajnuna issa ġiet estiża għall-età sa 23 sena,” qalet il-Ministru Farrugia.

Investiment ieħor fil-qasam tad-diżabilità li trattat il-Ministru Farrugia huwa dak ta’ miljun ewro biex l-għaqda volontarja Special Olympics Malta tkompli toffri aktar servizzi kemm fuq livell sportiv kif ukoll fl-iżvilupp tal-atleti b’diżabilità intellettwali. Is-sena li ġejja Special Olympics Malta se torganizza f’pajjiżna avveniment internazzjonali tal-għawm għal persuni b’diżabilità intellettwali li fih se jipparteċipaw 50 pajjiż minn madwar id-dinja.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport