Jinsab fi stadju avvanzat it-tfassil ta’ abbozz ta’ liġi li ser jintroduċi f’Malta l-living will li biha persuna adulta li għandha l-kompetenza mentali tkun tista’ tiddikjara bil-quddiem x’kura medika ma tkunx trid.
Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg f’konferenza tal-aħbarijiet dwar il-miżuri tal-Budget 2026.
Hija qalet li dan l-abbozz li jipprovdi għal Advance Medical Directives qiegħed jitfassal wara li diversi persuni u professjonisti mediċi wrew il-ħtieġa għalih fil-konsultazzjoni pubblika li saret dwar l-Ewtanasja Volontarja Assistita.
Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg qalet li l-Budget alloka aktar minn erba’ miljun ewro biex tkompli titwettaq politika favur l-ugwaljanza li tkompli ssaħħaħ il-ħarsien u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem.
Is-Segretarju Parlamentari nnotat li fit-tliet indiċijiet internazzjonali dwar l-ugwaljanza li ħarġu fl-aħħar xhur, Malta kompliet tikseb riżultati tajbin bis-saħħa ta’ bosta riformi li saru mindu għaxar snin ilu twaqqaf f’Malta direttorat għad-drittijiet tal-bniedem.
Kompliet tgħid li l-akbar tnaqqis fit-taxxa lil familji bit-tfal flimkien ma’ miżuri oħra ta’ leave speċjali u addizzjonali li tħabbru fil-Budget juru li l-Gvern ser ikompli jwettaq politika li tassigura bilanċ aħjar bejn id-dmirijiet tal-familja u tax-xogħol.
Hija qalet li dax-xahar tibda l-kampanja ta’ 16-il jum ta’ attiviżmu kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika. Din is-sena Buttigieg saħqet li l-kampanja ser tinkludi inizjattiva ġdida biex tipprovdi kenn lil min verament għandu bżonn waqt li jkun għaddej mill-pjaga tal-vjolenza domestika. B’din l-inizjattiva l-Gvern se jagħti sostenn lill-vittmi tal-vjolenza domestika li jkollhom bżonn akkomodazzjoni alternattiva waqt li jkunu għaddejjin bil-proċeduri tas-separazzjoni. Din il-miżura hija maħsuba biex verament tgħin lil vittmi tal-vjolenza domestika.
Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg saħqet li r-riformi li qegħdin jiġu proposti b’diversi strateġiji min-naħa tas-Segretarjat Parlamentari jinkwadraw fil-Viżjoni Malta 2050 li tgħaqqad il-progress ekonomiku tal-pajjiż mat-titjib soċjali li flimkien mal-ħarsien tal-ambjent iwassal għal kwalità ta’ ħajja aħjar għal familji u għall-futur ta’ uliedna.

