Saturday, November 1, 2025

Ekonomija b’Saħħitha – Futur għal Uliedna: Ikompli l-investiment fil-komunità relatat mal-ħarsien tal-annimali

Aqra wkoll

Waqt żjara f’dog park, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli, u s-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said taw ħarsa lejn ix-xogħol kollu li sar mill-kunsilli lokali f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħarsien tal-annimali.

Huma spjegaw li fl-aħħar snin il-kunsilli lokali kienu strumentali fil-ħarsien tal-annimali. Prova ta’ dan huwa l-fatt li llum il-ġurnata kull kunsill lokali għandu kunsillier li għandu r-responsabbiltà tal-ħarsien tal-annimali. Huma żiedu li l-Gvern ħareġ diversi skemi, inkluż vawċers lill-cat feeders, kif ukoll bdiet tinġabar informazzjoni utli mill-kunsilli lokali dwar il-kolonji ta’ qtates li għandna f’kull raħal u belt.

Is-Segretarji Parlamentari spjegaw ukoll kif permezz tal-Budget għas-sena d-dieħla, il-Gvern se jkompli jgħin l-għaqdiet li jaħdmu fis-settur tal-annimali billi jibbenifikaw minn rati speċjali fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma, li bħalissa qed jitħallas b’rata non-residenzjali.

Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli sostniet li fl-aħħar snin il-kunsilli lokali ħadmu mad-Direttorat tal-Ħarsien tal-Annimali sabiex nedew diversi inizjattivi għal aktar tisħiħ favur il-ħarsien tal-annimali. Spjegat li f’kull kunsill lokali hemm irwol ta’ kunsillier sabiex ikun gwardjan tal-ħarsien tal-annimali, u għalhekk dan hu mezz kif nistgħu nkunu nafu iktar dwar l-annimali fil-lokalitajiet sabiex jiġu msaħħa l-prattiċi u r-regolamenti f’dan il-qasam.

“Il-ħarsien tal-annimali inkluż fil-komunitajiet tagħna huwa importanti ferm li nkomplu nsaħħuh u għalhekk bħala Gvern qed inkomplu nniedu inċentivi u nkomplu nwettqu l-miżuri tal-Budget. Fl-aħħar snin il-Kunsilli Lokali tagħna ħadmu mad-Direttorat tal-Ħarsien tal-Annimali fuq diversi inizjattivi, fejn il-Kunsilli anke bbenefikaw minn fondi sabiex ikunu jistgħu jimplimentaw diversi proġetti ta’ dog parks, cat cafes u kampanji edukattivi fil-lokalitajiet sabiex inkomplu nsaħħu l-ħarsien tal-annimali,” qalet is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.

Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said sostniet li hekk kif mistenni jerġa’ jibda jopera l-Isptar għall-Annimali, dan huwa pass importanti biex titjieb il-kura veterinarja pubblika. Hija spjegat ukoll li se jibda l-proċess għall-bini ta’ krematorju tal-annimali kif ukoll ċentru ġdid għal rehoming tal-annimali tat-triq, inkluż żwiemel.

“Bħala Gvern qed inkomplu nsaħħu l-impenn tagħna biex inkomplu nħarsu l-benesseri tal-annimali u noffru servizzi moderni u sostenibbli għal dawk kollha li jħobbu u jieħdu ħsieb l-annimali. In-numru ta’ miżuri mħabbra fil-Budget 2026 juru b’mod ċar il-viżjoni tagħna għal Malta li tpoġġi l-benesseri tal-annimali fiċ-ċentru tal-politika tagħha. Kull pass li qed nieħdu, mill-ftuħ tal-isptar sal-ħolqien ta’ faċilitajiet ġodda għall-annimali tat-triq, qed isir biex nassiguraw li kull annimal jirċievi kura u rispett xieraq,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport