Waqt konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Ekonomija b’Saħħitha – Futur għal Uliedna’, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg u l-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri elenkaw numru ta’ miżuri li jolqtu lis-setturi tan-negozju u dak tat-turiżmu.
Id-Deputat Prim Ministru saħaq kif il-Budget ta’ nhar it-Tnejn li għadda se jfisser dejjem aktar investiment fil-prodott li joffri pajjiżna għal dawk li jiġu jżuruna u se jżomm fil-qalba tiegħu l-ħaddiema li jservu bħala ambaxxaturi ta’ pajjiżna. Waħda mill-miżuri ewlenin, dik li tiżdied l-ekokontribuzzjoni mħallsa mit-turisti u titla’ minn €0.50 għal €1.50 għal kull lejl li jqattgħu f’pajjiżna se saħħaħ dejjem aktar l-investiment fl-infrastruttura u l-ambjent f’ċerti żoni. Huwa qal li fost l-ewwel żoni li ser igawdu minn din il-miżura huma t-toroq ta’ Paceville fejn se jaraw li jingħataw dehra li tixraq iż-żona li hi parti integrali mill-prodott turistiku li joffri pajjiżna u li gawdiet minn investiment kbir fl-aħħar snin.
“Il-Budget ta’ nhar it-Tnejn illi għadda kompla jressaq ’il quddiem numru ta’ miżuri favur l-industrija turistika u hu wieħed li jħares ’il quddiem u jibni fuq l-ħafna li diġà sar. Bil-miżura fejn ser tinġabar kontribuzzjoni ikbar tal-ekokontribuzzjoni mit-turisti ser nibqgħu nsaħħu l-offerta turistika tagħna mingħajr ma nżidu piż finanzjarju fuq il-poplu. Ser nassiguraw li pajjiżna jibqa’ destinazzjoni ta’ kwalità u li nżommu f’livell għoli żoni bħal dik ta’ Paceville nnifisha li ser tkun waħda mill-ewwel li jibbenefikaw,” sostna Dr Borg.
Dan ikompli jibni fuq il-ħafna li diġà sar fost l-oħrajn f’Kemmuna fejn matul is-sajf li għadda ngħata sinjal ċar li bl-involviment ta’ kulħadd nistgħu naslu biex nilħqu bilanċ aħjar għal esperjenzi ta’ kwalità ogħla f’pajjiżna. F’Kemmuna naqsu l-viżitaturi b’68% meta tqabblu l-iżjed jiem impenjattivi f’Awwissu tas-sena li għaddiet ma’ dawk tal-istess xahar f’din is-sena. Issa tressqu l-pjanti quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar biex il-faċilitajiet ta’ din il-gżira jkomplu jitjiebu u jidħlu id f’id mas-sbuħija ta’ Kemmuna.
Fid-dawl li ftit tal-ġimgħat ilu tħabbar l-proġett pilota mal-lokalitajiet tas-Swieqi u l-Belt Valletta sabiex jiġu indirizzati sfidi li qed jiffaċċjaw, id-Deputat Prim Ministru saħaq ukoll illi ser ikomplu l-isforzi sabiex l-akkomodazzjoni li tintuża għal skopijiet turistiċi wkoll tilħaq l-ambizzjonijiet tagħna fl-Istrateġija Nazzjonali għat-Turiżmu. “Għaldaqstant, qed naraw li jkollna qafas leġiżlattiv mibdul għall-ħtiġijiet tal-lum, li joffri iżjed ċarezza kemm lis-sidien ta’ dawn il-proprjetajiet, u anke lil min jgħix fil-madwar, biex b’hekk it-turiżmu jibqa’ jkun wieħed milqugħ b’mod tajjeb fil-komunitajiet tagħna,” spjega Dr Borg.
Id-Deputat Prim Ministru semma wkoll il-fatt, li miżuri oħra fosthom ta’ marketing u ftuħ ta’ rotot ġodda bl-ajru bħal dik tal-Istati Uniti, se jkomplu jsaħħu l-isforzi sabiex tkompli l-qalba lejn turiżmu ta’ kwalità ogħla u li jħalli iktar f’pajjiżna.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Silvio Schembri spjega kif dan il-budget huwa msejjes fuq il-Viżjoni Malta 2050. Viżjoni ċara li Malta tikber b’saħħitha u fl-istess ħin tinbidel f’ekonomija aktar reżiljenti, aktar intelliġenti u aktar nadifa u sabiex is-suċċess tal-pajjiż ma nibqgħux inkejluh b’kemm jikber il-PDG iżda bil-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.
Il-Ministru Schembri qal li fil-ġimgħat li ġejjin se jkun qed iressaq fil-Parlament liġi ġdida li tirregola l-operat ta’ Malta Enterprise u l-INDIS, b’mod partikolari kif tiġi allokata l-art għall-industrija. Dan se jwassal ukoll għall-proċess li se jara li għall-ewwel darba f’pajjiżna jkollna Politika Nazzjonali għall-Industrija. B’hekk inkunu qed niffukaw fuq industrija li toffri valur miżjud għall-ekonomija tagħna. Għalhekk tħabbret miżura b’saħħitha ħafna fejn l-investiment li jsir f’din id-direzzjoni fis-sentejn li ġejjin se jkun eliġibbli għal kreditu ta’ taxxa ta 60% tal-valur tal-investiment.
“F’dan il-budget ukoll qed inkomplu ninvestu fiż-żgħażagħ. Se nkunu qed naraw li nbiddlu l-mentalità fost iż-żgħażagħ tagħna, ma rridux biss nippreparaw lil uliedna għad-dinja tax-xogħol biss, iżda nħajruhom ukoll biex isiru intraprendituri. Għaldaqstant se ndaħħlu emendi legali biex nipproteġu u nagħtu ċ-ċans li żgħażagħ ta’ bejn 16 – 18-il sena jsiru intraprendituri b’mod sigur u regolat,” qal il-Ministru Schembri.
Huwa tkellem ukoll dwar id-diversi miżuri u skemi mmirati għall-istart-ups f’pajjiżna. Il-Ministru Schembri qal li miżura b’saħħitha ħafna hija dik ta’ investiment bla preċedenti ta’ €100 miljun għad-diġitalizzazzjoni u l-adozzjoni ta’ teknoloġiji bħall-AI, Internet of Things, Cybersecurity, Augmented u Virtual Reality u Robotics.
“Parti minn dan l-investiment hemm miżura li verament tmiss il-qalb tal-viżjoni tagħna hija dik ta’ AI għal kulħadd. Se npoġġu l-qawwa tal-Intelliġenza Artifiċjali f’idejn kulħadd, b’korsijiet bla ħlas, ċertifikazzjoni nazzjonali u sessjonijiet prattiċi għal ġenituri, studenti, ħaddiema u anzjani. Wara dan il-kors se nkunu qed nagħtu abbonament b’xejn għal servizz ta’ AI,” qal il-Ministru Silvio Schembri.
Se jkompli jikber ukoll l-investiment fit-taħriġ tal-ħaddiema, fosthom b’akkademji speċifiċi u mmirati bħall-Akkademja għall-Media Interattiva u l-Akkademja Nazzjonali tal-Avjazzjoni. Permezz tal-Microinvest se tkun introdotta wkoll miżura, bil-għan li jiġi mgħejun s-settur privat jinvesti aktar fil-ħaddiema. “Hawn l-Gvern se jkopri 65% taż-żieda fil-pagi għal sentejn. Fl-istess ħin, sabiex inkomplu nkunu ta’ sostenn għan-negozji ż-żgħar, se nżidu l-limitu massimu tal-benefiċċju minn €50,000 fis-sena għal €65,000 f’Malta u €80,000 fis-sena f’Għawdex. U għax nemmnu fil-benesseri tal-ħaddiema se jingħata inċentiv għas-saħħa mentali fuq il-post tax-xogħol,” spjega l-Ministru Schembri.
“B’miżuri b’saħħithom bħal dawn u ħafna oħrajn qegħdin inkomplu nittrasformaw lil pajjiżna għall-futur b’politika ċara, investiment mirqum u viżjoni li tpoġġi lil Malta fuq quddiem nett tal-innovazzjoni ekonomija diġitali u sostenibbli,” temm jgħid il-Ministru Silvio Schembri.

