Iż-żminijiet li għaddejja minnhom id-dinja huma bla dubju żminijiet diffiċli ħafna u hemm min qed ibassar li għall-ekonomija ta’ bosta pajjiżi, jistgħu jkunu saħansitra agħar minn dak li għaddiet minnhom id-dinja matul il-pandemija. Mhuwiex biss il-prezz għoli taż-żejt u l-gass li qed jinkwieta lil kulħadd, imma saħansitra il-provista ta’ dawn is-sorsi tal-enerġija. Bl-għeluq ta’ li Strett ta’ Hormuż minħabba l-gwerra fil-Golf, hemm għadd kbir ta’ pajjiżi li saħansitra jistgħu jispiċċaw mingħajr provista adekwata ta’ żejt jew gass u dan iġib miegħu konsegwenzi ekonomiċi kbar għaliex pajjiż mingħajr dawn il-provisti jista’ jistagħġna.
Mill-banda l-oħra, l-għoli esaġerat fil-prezzijiet taż-żejt u l-gass propju minħabba l-iskarsezza tagħhom jista’ jġib miegħu żieda kbira fl-inflazzjoni, partikolarment minħabba żidiet qawwija fil-prezzijiet tal-fuels kollha, petrol, diesel, fuels tal-ajruplani, fuels għall-vapuri li jġorru l-merkanzija. Iċ-ċiklu ta’ dawn il-problemi jwassal biex in-nies fid-dinja jibdew jonfqu inqas għax ma jibdewx ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja b’konsegwenza li ekonomiji kbar jidħlu f’riċessjoni.
Pajjiżna ma jistax ikun meħlus minn dan l-għawġ kollu imma bl-għaqal tal-Gvern Laburista nistgħu ngħidu li ninsabu lesti biex nilqgħu għad-daqqiet u nipproteġu lill-poplu tagħna mill-aħjar li nistgħu. Il-Prim Ministru Robert Abela diġà tal-assigurazzjoni tiegħu li minkejja dak li qed jiġri fil-kumplament tad-dinja, il-Gvern ser jibqa’ jżomm stabbli il-prezzijiet tal-enerġija u tal-fuels bil-għan li nħarsu kemm jista’ jkun il-bwiet tal-Maltin u l-Għawdxin. Ninsab ċert ukoll li l-Gvern mhux se jonqos milli jekk ikun hemm bżonn jerġa’ jintervjeni biex ma jħallix prezzijiet ta’ oġġetti essenzjali jogħlew b’mod li jimpattaw bosta fuq il-kwalita tal-ħajja tal-poplu tagħna.
Il-poplu jista’ jafda fit-tmexxija Laburista li fi żmien ta’ kriżi internazzjonali bħal din, għandu tassew gvern li jiddefendih. Fl-aħħar sitt snin tat-tmexxija tal-Prim Ministru Robert Abela għaddejna minn tlett kriżijiet kbar oħra, il-pandemija, l-invażjoni Russa tal-Ukranja u l-gwerra ta’ Iżrael f’Gaza. Kienu kollha kriżijiet li ħallew riperkussjonijiet kbar fuq l-ekonomija ta’ ħafna pajjiżi. F’Malta ilqajna għal dawn il-kriżijiet għax bl-għaqal tad-direzzjoni li tajna lill-ekonomija tagħna fis-snin ta’ qabel, ġibna l-finanzi tal-pajjiż f’qagħda mill-aqwa li tatna ċ-ċans li nintervjenu anke b’sussidji kull fejn kien hemm bżonn. Mhux hekk biss. Bl-interventi li għamilna stajna nippermettu li l-ekonomija tkompli tikber u toħloq aktar ġid b’tali mod li budget wara l-ieħor stajna nkomplu nwieżnu lill-familji, lill-pensjonanti, lill-istudenti u lil dawk l-aktar vulnerabbli.
Huwa evidenti li rġajna wasalna fi żmien ta’ prova. Pajjiżna għandu missjoni mportanti li jkompli jippromwovi l-paċi f’kull opportunita li jkollu fil-fora internazzjonali. Il-gwerra li għaddejja bħalissa fil-Golf Għarbi u l-Ilvant Nofsani qed tħalli eluf ta’ nies ċivili fosthom tfal, mejta jew midruba. Magħhom min jaf kemm qed jinqatlu suldati u baħrin. Malta tkompli tappella għad-deskalazzjoni bil-għan li jieqfu l-bombardamenti miż-żewġ naħat biex forsi jerġgħu jibda d-djalogu li jwassal għal waqfien mill-ġlied.
Waqt li għaddej dan kollu, għandna nibqgħu iffukati biex nipproteġu lill-poplu tagħna minn kull daqqa li nistgħu naqilgħu. Għandna nserrħu ras il-Maltin u l-Għawdxin li għandhom gvern għaqli li għaraf isaħħaħ l-ekonomija u l-finanzi tal-pajjiż biex inkunu nifilħu nilqgħu għal sitwazzjonijiet diffiċli bħal tal-lum. U l-ekonomija tagħna hija reżiljenti b’mod li hekk kif jgħaddi dan l-għawġ kollu, nkunu nistgħu nkomplu mexjin ‘il quddiem fit-triq tal-progress.

