Sunday, November 10, 2024

EKONOMIJA FUTURA LI TAQDI L-ĦTIĠIJIET TAN-NIES

Aqra wkoll

It-twettiq tal-għan li għada jkun aħjar mil-lum huwa aspirazzjoni ewlenija li kull ċittadin jittama li jilħaq. Iżda, li għada jkun aħjar mil-lum mhijiex xi ħaġa maġika li ssir waħedha. Tinħtieġ ħsieb u viżjoni realistika li twassal għat-tul. U huwa proprju dan il-kunċett li wassal lill-Gvern biex fassal u nieda l-mudell ekonomiku li jrid għal Malta għall-għaxar snin li ġejjin.  

It-tfassil ta’ dan il-mudell ekonomiku ma sarx f’iżolament. Saru ħafna diskussjonijiet konsekuttivi f’konsultazzjoni pubblika relatata ma’ din l-istess viżjoni, diskussjonijiet li ġew fi tmiemhom ftit tal-jiem ilu u li raw fihom parteċipazzjoni diversa, minn ministeri għal entitajiet pubbliċi u privati, l-l-imsieħba soċjali, soċjetà ċivili u għaqdiet mhux governattivi.

Din il-viżjoni ekonomika li l-Gvern fassal għall-għaxar snin li ġejjin hija msejsa fuq ħames prijoritajiet li għalkemm distinti minn xulxin huma ħoloq tal-istess katina, relatati waħda ma’ l-oħra; il-kwalità tal-ħajja tan-nies, l-edukazzjoni, l-infrastruttura, l-ambjent u l-governanza tajba. 

U biex dawn il-prinċipji jintlaħqu jinħtieġ ukoll direzzjoni politika sana u qawwija. Għax huwa propju l-għaqal li jwassal għas-suċċess jew le ta’ kull viżjoni ekonomika tal-ġejjieni.

F’dawn l-aħħar snin rajna titjieb sostanzjali fil-kwalità tal-ħajja tan-nies. Rajna wkoll proġetti kapitali u titjib infrastrutturali li ftit li xejn konna naħsbu li jistgħu jsiru f’pajjiżna. Rajna tiġdid fis-sistema edukattiva li mhux biss qed tkattar il-ħiliet tal-persuna imma wkoll hija mmirata li l-ħaddiema tal-ġejjieni jkollhom impjiegi ta’ kwalità u pagi li jtuhom għajxien diċenti.

Illum ninsabu fl-era diġitali u jista’ jingħad li l-futur diġà qiegħed magħna. Għalhekk, huma proprju dawn il-ħames prinċipji flimkien li fuqhom hija msejsa l-viżjoni ekonomika ta’ pajjiżna għall-għaxar snin li ġejjin. L-għan aħħari ta’ din il-viżjoni hu li l-ekonomija tkun verament taqdi l-ħtiġijiet tan-nies u mhux in-nies għall-ekonomija.

Sport