Wednesday, February 11, 2026

EKONOMIJA LI BAQGĦET REŻILJENTI

Aqra wkoll

Ilu żmien twil issa l-poplu Malti jisma argumenti dwar l-ekonomija jew aħjar, it-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna. Tkabbir li baqa’ għaddej b’domanda domestika dejjem aktar b’saħħitha. Il-previżjonijiet huma li l-ekonomija Maltija mistennija tkompli tikber b’mod b’saħħtu bl-istess ritmu li kibret is-sena l-oħra.

L-aħħar Rapport tal-Fond Monetarju Internazzjonali (l-IMF) jikkonferma r-reżiljenza tal-ekonomija tagħna li kompliet kibret b’rata mgħaġġla. Tant li fl-aħħar 10 snin pajjiżna esperjenza tkabbir ekonomiku qawwi b’rata medja ta’ kważi 7% fis-sena, xprunat l-aktar mit-turiżmu, il-gaming u s-servizzi professjonali.

Bla dubju, dan wassal biex mhux biss il-ġid nazzjonali ras għal ras kważi jirdoppja mill-2013 ‘l hawn iżda wkoll li qabeż il-medja Ewropea. Issa, l-previżjonijiet li qed isiru llum għall-futur juru li t-tkabbir se jistabbilizza għal madwar 4% fis-snin li ġejjin hekk kif xi setturi ekonomiċi bħalma huma l-gaming u t-turiżmu jilħqu livell ta’ maturità.

Quddiem dan il-ġid kollu, ma nistgħux nilludu ruħna, u naħsbu li dan il-progress huwa awtomatiku u jiġi waħdu. Il-ħtieġa li jibqgħu hemm il-miżuri li ddaħħlu f’dawn l-aħħar snin, l-iktar dawk dwar il-ġbir tat-taxxi dovuti, hija eżistenzjali.

Pajjiżna jħabbat wiċċu ma’ diversi sfidi daqskemm jiffaċċjaw pajjiżi oħra. Għalhekk, jekk pajjiżna ma joqgħodx attent għal dak kollu li jkun għaddej lokalment u barra minn xtutna jista’ jbati konsegwenzi.

Grazzi għall-Gvern Laburista, u għall-mod kif illum qed imexxi l-ekonomija u l-finanzi tal-pajjiż, il-poplu Malti u Għawdxi għandu għalfejn iserraħ moħħu. Pajjiżna għadda minn kriżijiet ekonomiċi u minnhom ħareġ bl-unuri, prova kienu dawn tal-għaqal li bih qed titmexxa l-ekonomija.

L-għaqal fit-tmexxija tal-finanzi qed iwassal biex pajjiżna se jirnexxielu jnaqqas b’mod drastiku id-defiċit u jniżżlu għal taħt it-3% kif impost mill-Kumissjoni Ewropea ferm qabel iż-żmien imbassar.

Bla dubju, din hija aħbar li għandna nieħdu gost biha għax tassigura li jkompli l-investiment fil-familji u n-negozji f’pajjiżna meta jkun wasal iż-żmien li jiġi ppreżentat l-aħħar Budget ta’ din il-leġiżlatura.

Dan kollu jorbot mal-Viżjoni Malta 2050 li se sservi ta’ pedament għal kwalità ta’ ħajja dejjem aħjar għan-nies u wkoll lejn fejn irridu nieħdu lil dan pajjiżna fis-snin li ġejjin.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport