Saturday, December 21, 2024

EKONOMIJA LI DEJJEM QED TIKBER

Aqra wkoll

B’mod regolari nisimgħu dikjarazzjoni u anke jinħarġu rapporti dwar l-ekonomija Maltija u kif tkun sejra. B’mod kontinwu nisimgħu b’ekonomija li dejjem qiegħda tikber. Nisimgħu b’infieq domestiku b’saħħtu – jiġifieri l-infieq tal-Maltin. Aġenziji ta’ Kreditu f’rapport wara rapport li ħarġu dejjem enfasizzaw fuq tkabbir għall-ekonomija Maltija.

Proprju fl-aħħar jiem kellna il-Kunsill Fiskali Konsultattiv li qalilna li “din is-sena l-ekonomija se tikber iktar milli mbassar”. Spjega li l-ekonomija kompliet tespandi b’mod kostanti fl-ewwel xhur tas-sena bi żviluppi b’saħħithom fis-suq tax-xogħol u tnaqqis fl-inflazzjoni. Spjegaw li fl-ewwel nofs tas-sena l-istimi mill-Ministeru jindikaw li d-defiċit tal-Gvern huwa relattivament baxx, €242.8 miljun, meta mqabbel mat-tbassir tal-baġit ta’ aktar minn €900 miljun għas-sena 2024. Dan kien dovut għal dħul fiskali ogħla milli mistenni.

Sa issa il-previżjonijiet dejjem kienu li t-tkabbir ekonomiku se jkun ta’ 3.5% fis-sena 2025 u 3.4% fis-sena 2026. Marbuta ma’ dan għandek is-sitwazzjoni fis-suq tax-xogħol fejn pajjiżna baqa’ b’rata baxxa ta’ qgħad. Fil-fatt ir-rata tal-qgħad mistennija tibqa’ qrib it-3%. Dwar il-paga medja, l-ekonomista qalu li din mistennija tikber b’rata ferm aktar mgħaġġla fl-2024 f’reazzjoni għall-inflazzjoni u suq tax-xogħol ristrett. Qalu li din ir-rata tat-tkabbir mistennija timmodera xi ftit ġaladarba l-inflazzjoni tkompli nieżla.

Fejn jirrigward id-defiċit tal-gvern meta mqabbel mal-Prodott Dometiku Gross dan mistenni jinżel għal 4.1% fis-sena 2024, u li jkompli jonqos matul il-kumplament tal-perjodu tat-tbassir għal 3.1% sas-sena 2026.

Quddiem din is-sitwazzjoni iqumu għadd ta’ domandi. Mistoqsijiet li qegħdin isiru mill-poplu tagħna. Mistoqsijiet li l-poplu mhux jaqlagħhom minn żniedu imma qiegħed jagħmilha għax qed jara il-kwalità tal-ħajja tiegħu titnaqqas. Qiegħed jara li dan it-tkabbir ekonomiku sena wara sena issa qiegħed jaffettwah negativament.

Ibda mis-settur tal-kostruzzjoni. Settur li llum ħafna qegħdin jilmentaw minnu. Settur li donnu jsiru kemm isiru regolamenti biex jirregolaw, jibda ħerġin l-ilmenti. Ta’ trabijiet. Storbju. Ħsarat. Inkonvenjenzi. Nibqgħu naraw jinbtu proġetti kbar, li minnhom infihom joħolqu ilmenti kbar mir-residenti.

Il-poplu qiegħed jara ukoll li biex insostnu u nkabbru id-d-domanda domestika – li tant hi importanti għall-ekonomija, qegħdin naraw negozji li letteralment jieħdu spazji pubbliċi biex jimlew bl-imwejjed u s-siġġijiet. Għandna bankini li qegħdin għan-nies imma bilkemm tista’ tgħaddi minn fuqhom. Ma dawn għandek toroq bħal Belt Valletta li imtlew bl-imwejjed u siġġijiet.

Ma’ dawn imbagħad għandek is-sitwazzjoni fit-toroq tagħna, fejn it-traffiku żdied b’mod qawwi. Regolarment nisimgħu b’konġestjonijiet ta’ traffiku.

Jorbok mal-ekonomija għandek il-prekarjat. Pjaga f’pajjiżna li hi mifruxa sew. Sitwazzjoni fejn għandek ħaddiema litteralment sfruttati minn min iħaddimhom.

Ekonomija dejjem tikber flimkien ma’ pressjonijiet internazzjonali wasslet għal inflazzjoni għola. Għal ammont ta’ xhur rajna l-prezzijiet ta’ prodotti essenzjali tal-ikel jogħlew. Situazioni li wasslet għal tbatijiet u inċertezza fost il-konsumaturi. Ma dawn għandek il-prezzijiet tal-proprjetà li splodew.

Allura quddiem dawn il-problemi li qiegħed jiffaċċja l-poplu, dan qiegħed jagħmel il-mistoqsija jekk din l-ekonomija tagħna u dan it-tkabbir kontinwu hux sostenibbli. Fejn se jwassalna dan it-tkabbir? X’se jiġri ammont ta’ snin oħra jekk nibqgħu f’din it-triq? Qegħdin nonfħu bużżieqa li se tinfaqa’? Jista’ jkun. Dan is-sentiment riċentament ġie rifless fil-kumment li għamlet l-Assoċazzjoni ta’ Min Iħaddem meta stqarret li l-ekonomija Maltija f’riskju li tikkollassa minħabba nuqqas ta’ riżorsi.

Jibqa’ l-fatt li kieku l-gvern ma intervjeniex biex jigarantixxi stabbilta fil-prezzijiet tad-dawl u l-ilma kif ukoll fuq il-prezz tad-dqiq u l-gwież. Li kieku il-pajjiż ma kienx reżiljenti fiż-żmien tal-maltemp. Li kieku il-pajjiż ma kellux ekonomija b’saħħitha, il-bużżieqa ilha li splodiet kif rajna li ġara f’pajjiżi ġiren tagħna. Jibqa’ l-fatt però li wasal iż-żmien kif imtenni fil-proposti imressqa mill-GWU għal Budget 2025 tal-bżonn għal pajjiżna ta’ pjan ħolistiku li indirizza l-sfidi kurrenti u dawk mistennija fis-snin li ġejjin. Pjan ħolistiku li fuq kollox jiggarantixxi xogħol ta’ kwalità u kundizzjonijiet ta’ xogħol mill-aqwa li jwassal għall-mobilità soċjali għal kulħadd.

Ekonomija

Sport