Nistgħu ngħidu li ma jaqtgħu xejn l-argumenti dwar l-ekonomija jew aħjar, it-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna. Tkabbir li bqajna narawh għaddej b’domanda domestika dejjem b’saħħitha. Il-previżjonijiet huma li l-ekonomija Maltija mistennija tkompli tikber b’mod b’saħħtu bl-istess ritmu li kibret is-sena l-oħra.
Li l-ekonomija mistennija tkompli tikber b’mod b’saħħtu ġie kkonfermat f’diversi studji fosthom studju dwar l-ekonomija u l-qagħda finanzjarja lokali, li kien ippreżentat mill-Kamra tal-Kummerċ u l-Bank of Valletta ftit tal-jiem ilu. Huwa prevvist li l-ekonomija ta’ pajjiżna se tibqa’ tikber bl-istess ritmu sa erba’ snin oħra. Dan jikkontrast bil-kbir ma’ pajjiżi oħra Ewropej li qegħdin narawhom jiffaċċjaw sfidi serji.
Jekk titkellem fuq l-ekonomija ma tistax ma titkellimx fuq l-inflazzjoni. X’se jiġri? L-inflazzjoni se tibqa’ fil-livell li hija jew se narawha tiżdied? Huma diversi l-analisti internazzjonali li qegħdin ibassru żieda fl-inflazzjoni fix-xhur li ġejjin. Fejn tidħol l-inflazzjoni f’Malta, jidher li l-previżjonijiet huma li din se tibqa’ fl-istess livell u dan għax kienu ttieħdu miżuri permezz ta’ sussidji għall-prezzijiet stabbli tal-enerġija.
Rajna kif Aġenziji ta’ Kreditu f’rapport wara rapport li ħarġu dejjem enfasizzaw fuq tkabbir għall-ekonomija Maltija.
Kellna tbassir ieħor fosthom dak tal-Bank Ċentrali ta’ Malta. Dan kien bassar li din is-sena l-ekonomija ta’ Malta se tikber bi 3.9%. Issemma’ li t-tkabbir mistenni li jkun xprunat, kif dejjem kien, mid-domanda domestika minħabba tkabbir fil-konsum privat li fost oħrajn jirrifletti tnaqqis fil-piż tat-taxxa fuq id-dħul. It-tbassir huwa li l-ekonomija Maltija se tkun ta’ 3.9% fl-2025, 3.6% fl-2026 u 3.4% fis-sena 2027.
Ma nistgħux ma nirrimarkawx li dan it-tkabbir qiegħed iseħħ għax in-nies qegħdin jonfqu dak li għandhom fil-but. It-tnaqqis fil-piż tat-taxxa tad-dħul qiegħed joħloq aktar klima tajba biex il-poplu ikomplu jikkonsuma u jdawwar ir-rota ekonomika lokali u, ladarba ddur ir-rota ekonomika jkun ifisser li jiġu affettwati oqsma oħra b’mod pożittiv fosthom dak tal-qgħad fejn din ir-rata mistennija tibqa waħda baxxa fir-rata ta’ 3 fil-mija.
Ma nistgħux ma nirrimarkawx dwar ir-rata tal-iżbilanċ finanzjarju. Anke hawn rajna u qegħdin inkomplu naraw progress. Dan niżel minn 4.5% fis-sena 2023 għal 3.9% fl-2024 u li sal-2027, dan huwa mbassar li jinżel għal 2.7% tal-Prodott Domestiku Gross.
Dawn huma riżultati pożittivi li permezz tagħhom wieħed jista’ jħares ‘il quddiem b’ottimiżmu.