Saturday, February 28, 2026

EKONOMIJA LI QED TRENDI

Aqra wkoll

Is-saħħa ekonomika li għandu pajjiżna b’riżultat tal-mudell ekonomiku adottat minn Gvern Laburista qed tħalli r-riżultati inkredibbli. Tant qdiena u għadu jaqdina dan il-mudell, illi l-ekonomija qed tirrreġistra tkabbir u surplus wieħed wara l-ieħor. Biżżejjed li wieħed isemmi li l-Prodott Gross Domestiku ta’ Malta s-sena li għaddiet kien laħaq iċ-ċifra ta’ €24.6 biljun, li huwa xejn inqas minn €10 biljun iżjed mil-livell tal-ġid nazzjonali li kien irreġistrat qabel faqqgħet il-pandemija.  

L-istatistiċi uffiċjali qed juru li t-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna qiegħed jiżboq kull tbassir, kif ġie nnutat ukoll mill-Prim Ministru Robert Abela li enfasizza illi ekonomija b’saħħitha hi l-aqwa pedament għal prosperità ġdida. Dawn ir-riżultati jingħaqdu wkoll maċ-ċertifikati pożittivi li qed tingħata Malta minn aġenziji ta’ kreditu internazzjonali rispettati u l-previżjonijiet għal pajjiżna jindikaw li t-tkabbir ekonomiku mistenni li jibqa’ wieħed robust. 

It-tmexxija ekonomika u dik finanzjarja jmorru flimkien. Għalhekk ma jistax jitwarrab fil-ġenb l-għaqal fit-tmexxija tal-finanzi li qed twassal biex pajjiżna jirnexxielu jnaqqas b’mod drastiku d-defiċit bl-għan ewlieni li dan jitniżżel għal taħt it-3% kif impost mill-Kummissjoni Ewropea ferm qabel iż-żmien imbassar. Bla dubju ta’ xejn din hi aħbar li l-poplu għandu għalxiex jieħu gost biha għax tassigura li jkompli l-investiment fil-familji u n-negozji f’pajjiżna.

Ħadd ma jista jiċħad li l-ġid iġġenerat qed igawdi minnu kulħadd kif jixhdu ż-żidiet u l-benefiċċji finanzjarji budget wara l-ieħor.

Dan jikkontradixxi għal kollox id-dikjarazzjoni li għamlet is-Segretarju Ġnerali tal-Partit Popolari Ewropew Dolors Montserrat ftit tal-jiem ilu meta qalet li Malta, bħal Spanja, hi “fabbrika tal-faqar”.

Lil din Montserrat nistgħu ma ntuhiex Iit-tort kollu għaliex forsi s-sorsi lokali hekk qalulha biex tgħid. Imma xorta waħda kien missha vverifikat il-fatti qabel għamlet id-dikjarazzjoni erratika tagħha dwar il-faqar f’pajjiżna.

Il-fatti stabbiliti jikkontradixxu wkoll l-asserzjonijiet kollha li saru, inkluż minn Maltin li għal skopijiet purament politiċi partiġġjani għadhom sal-lum itambru li l-mudell ekonomiku attwali, li skont huma huwa mibni fuq it-tkabbir tal-popolazzjoni, għandu jiġi rivedut għaliex ma ħadimx. 

Iżda l-fatti jixhdu mod ieħor u ma jista’ jmerihom ħadd. L-ekonomija ta’ pajjiżna kif inhi mmudellata llum qiegħda turi stabbilità, twassal għal tkabbir u ssir aktar reżiljenti.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport