Sunday, December 22, 2024

EKONOMIJA LI TWIEŻEN LIL DAWK L-AKTAR LI GĦANDHOM BŻONN

Aqra wkoll

Minkejja l-għawġ kollu li għaddiet u għadha għaddejja minnu sa issaa d-dinja kollha, l-iktar bil-pandemija u għal dawn l-aħħar xhur il-gwerra fl-Ukrajna, l-ekonomija Maltija baqgħet miexja b’ritmu sostenibbli ta’ tkabbir. Tant li l-aħħar rapporti indikaw li bejn Lulju u Settembru ta’ din is-sena Malta kellha t-tieni l-akbar tkabbir ekonomiku fost l-istati membri kollha tal-Unjoni Ewropea, meta mqabbel mat-tliet xhur ta’ qabel.

Dan it-titjib jieħu dimensjoni ikbar meta wieħed jikkunsidra li l-ebda pajjiż ieħor fl-Unjoni Ewropea ma esperjenza dan l-istess tkabbir. Aktar u aktar meta tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni ekonomika globali diffiċli kaġun tal-pressjonijiet tal-gwerra fl-Ukrajna l-iktar bl-għoli tal-prezzijiet wara l-isfida tal-pandemija. It-tkabbir ekonomiku reġistrat minn pajjiżna jisboq b’mod notevoli l-medja taż-Żona tal-Ewro.

Dan it tkabbir huwa attribwit primarjament għar-reżiljenza tal-ekonomija u l-miżuri li ħa l-gvern kif ukoll għall-fondi Ewropej intiżi biex itaffu l-pressjonijiet li ġejjin minn barra fuq l-ekonomija u wkoll ghall-għajnuna li ngħatat fil-prezzijiet tal-enerġija. Dan kollu jirrifletti l-viżjoni ċara tal-gvern li qed titlaqqa fil-milja tagħha mal-Viżjoni Ekonomika għall-għaxar snin li ġejjin. Mudell ekonomiku li permezz tiegħu f’disa’ snin Malta diġà rreġistrat tkabbir ekonomiku qawwi li ssarraf f’żieda reali ta’ aktar minn 90,000 impjieġ ġdid fis-suq tax-xogħol lokali.

Dan kollu qed jirrifletti ruħu wkoll fil-konsistenza u t-tkabbir li qed jesperjenzaw bosta setturi prinċipali lokali fosthom is-settur tal-kostruzzjoni, li baqa’ għaddej b’ritmu tajjeb ħafna, is-settur tat-turiżmu, li qiegħed jirkupra b’rata aktar milli mistenni, kif ukoll il-manifattura u s-servizzi finanzjarji.

It-tbassir tal-Kummissjoni Ewropea fuq it-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna għas-sena d-dieħla qiegħed juri prospetti tajbin ferm u dan għaliex Malta, f’dawn l-aħħar snin adottat mudell ta’ ekonomija li taħdem għan-nies. Ekonomija bbażata fuq il-ħolqien tal-ġid li jilħaq lil kulħadd l-aktar lil dawk li jinsabu l-isfel fil-faxex tas-soċjetà u allura l-aktar għandhom bżonn.

U kemm dan li qed ngħidu huwa minnu rajnieħ iseħħ fil-baġit għas-sena li ġejja fejn l-iktar li ngħataw għajnuna kienu l-pensjonanti, il-vulnerabbli u dawk bi dħul medju baxx li saħansitra l-gvern ħoloq għalihom mekkaniżmu addizzjonali tal-COLA sabiex dawn ikollhom kwalità ta’ ħajja aħjar.

Dan il-mudell ta’ ekonomija għan-nies jixhed ukoll illi l-intervent f’waqtu tal-gvern jistabilizza l-ekonomija filwaqt li jwassal għal ħolqien ta’ aktar ġid x’jitqassam lil dawk li l-iżjed jinħtiġuh.

Ekonomija

Sport