Saturday, December 21, 2024

EKONOMIJA REŻILJENTI… BUDGET B’SAĦĦTU

Aqra wkoll

Kulma jmur id-dinja qed tkompli tiċkien. Bdiet tagħmel hekk minn mindu tfaċċat il-globalizzazzjoni tal-ekonomiji. Iżda llum it-teknoloġija qed tkompli ċċekken id-distanzi bejn pajjiż u ieħor, anke permezz tal-avvanzi teknoloġiċi. Dan juri li għalkemm pajjiżna huwa iżolat ġeografikament, b’danakollu mhux iżolat ekonomikament għax dak li jiġri f’pajjiżi oħra, jolqot lilna wkoll. Hekk ġralu pajjiżna bl-invażjoni Russa tal-Ukrajna fejn intlaqatna b’mod dirett bħal pajjiżi oħra minn kriżi tal-enerġija. 

Iżda quddiem dawn l-isfidi, pajjiżna ma qagħadx ċass u implimenta diversi miżuri, grazzi għall-ekonomija reżiljenti li għandna, biex seta’ jipproteġi l-benesseri tas-soċjeta’ Maltija. Kieku ma kienx għax l-ekonomija kienet b’saħħitha kieku l-familji Maltin illum jinsabu f’sitwazzjoni xejn feliċi. Għalhekk aħna għadna nemmnu li l-mudell ekonomiku attwali mhux biss serva tajjeb imma wkoll għadu jservi għall-ħtiġijiet li pajjiżna jkollu bżonn minn żmien għal żmien. 

B’danakollu, dan ma jfissirx li l-mudell ekonomiku ta’ bħalissa għandu jibqa’ statiku u ma jinbidilx. Għall-kuntrarju, l-ekonomija, billi hija dinamika, ikollha bżonn taġġorna għar-realtajiet u ċ-ċirkostanzi kemm tal-mument u anke dawk li jistgħu jfeġġu bla mistenni. 

Dan nemmnuh ukoll fl-isfond li jitħares il-ġid komuni u jitjieb il-livell tal-għajxien tal-poplu kollu. Nifhmu li l-budget li għandu jitressqu fi ftit ġimgħat oħra se jkompli jibni fuq it-tajjeb li diġ sar, biex mhux biss ikunu konsolidati dawk il-miżuri favur dawk li jifilħu l-inqas fis-soċjet imma wkoll titjieb il-pożizzjoni anke ta’ dawk li huma meqjusa fil-klassi medja permezz tat-tnaqqis fit-taxxi, kif diġ tħabbar kemm mill-Prim Ministru u anke mill-Ministru tal-Finanzi. 

Għalhekk il-kritika li aħna ilna nisimgħu, li l-mudell ekonomiku jeħtieġ li jinbidel minn taħt sa fuq, hija argument inġust u li ma jreġix. Anzi, il-Gvern se jibqa’ jikkonsolida dak li hemm bħalissa anke li jkompli bis-sussidju fuq il-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils, jgħidu x’jgħidu kemm il-Fond Monetarju Dinji kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea. 

Anke l-Kunsill Fiskali Konsultattiv Malti (MFAC) fir-rapport annwali tiegħu li ppubblika f’dawn il-jiem, filwaqt li qies li t-tkabbir ekonomiku fl-2024 jista’ jkun iktar b’saħħtu meta mqabbel mat-tbassir tal-Gvern, immexxi minn titjib mid-domanda esterna, ma qalx li l-mudell ekonomiku għandu jinbidel imma ssuġġerixxa biss li dan ikun rivedut skont kif meħtieġ. 

Ekonomija

Sport