Sunday, December 22, 2024

EKONOMIJA ROBUSTA

Aqra wkoll

L-ekonomija Maltija qiegħda tkompli tirreġistra aktar riżultati pożittivi. Dan jixhduh rapporti minn aġenziji ta’ kreditu internazzjonali li jsiru minn żmien għal żmien, li juru r-reżiljenza tal-ekonomija ta’ pajjiżna.

Dan is-sentiment kien ukoll espress mill-Kunsill Fiskali Konsultattiv Malti, li fir-rapport annwali tiegħu nnota li l-ekonomija ta’ pajjiżna sostniet il-prestazzjoni robusta tagħha matul is-sena li għaddiet u li din kisbet tkabbir ekonomiku b’saħħtu milli kien antiċipat.

Ninnutaw kif ir-riżultat tal-Prodott Domestiku Gross (PDG) kien aħjar milli mistenni u kellu impatt pożittiv fuq il-proporzjonijiet fiskali ewlenin. B’mod speċifiku, il-proporzjon tad-defiċit tjieb b’0.6 pp meta mqabbel mas-sena preċedenti, minkejja li, f’termini assoluti, id-defiċit baqa’ qrib il-livelli tal-2022.

Fix-xenarju lokali, bħala pajjiż għandna wkoll l-isfidi tagħna fosthom l-għoli tal-prezzijiet l-aktar minħabba l-gwerra fl-Ukrajna. Fl-istess waqt u minkejja dawn l-isfidi, naraw li l-ekonomija tagħna qed tkompli timraħ u tfittex niċeċ ġodda fosthom fis-settur tad-diġitalizzazzjoni, tal-avjazzjoni, il-marittimu u fit-turiżmu.

Il-Gvern ukoll nieda miżuri biex tinżamm stabbiltà fil-prezzijiet tal-ikel iżda din kienet biss waħda mill-miżuri li ttieħdu sabiex jonqos l-impatt tal-inflazzjoni. Fost oħrajn, insemmu s-sussidju fil-prezzijiet tal-enerġija, is-sussidju fuq il-ġwież u l-qmuħ, iż-żieda fil-Paga Minima Nazzjonali, iż-żieda fil-pensjonijiet u ċ-children’s allowance u l-mekkaniżmu addizzjonali għall-għoli tal-ħajja.

Dan juri li minkejja l-isfidi kollha, l-ekonomija ta’ pajjiżna xorta għadha waħda reżiljenti u robusta. Dan grazzi għall-miżuri proprja u f’waqthom li ttieħdu mill-Gvern f’dawn l-aħħar xhur u snin. Dan juri li pajjiżna għandu l-ħila jimmanuvra f’kull maltemp ekonomiku li jsib ruħu fih.

Dan jawgura tajjeb u jagħti aktar serħan il-moħħ lill-familji, lin-negozji u lil dawk li l-aktar jinħtieġu l-għajnuna tal-istat. Għaldaqstant jekk pajjiżna jkompli jiġbed ħabel wieħed, il-ġejjieni jibqa’ wieħed sabiħ għal kulħadd.

Ekonomija

Sport