Saturday, December 21, 2024

Ekonomista jisħaq li l-ebda pajjiż ma jista’ jkun kollox għal kulħadd

... Qbil dwar il-bżonn li pajjiżna jġedded il-mudell tat-tkabbir ekonomiku lil milli jibdlu

Aqra wkoll

Waqt dibattitu li ttella’ lbieraħ mill-Istitut Malti għall-Management (MIM) fil-bini tal-General Workers’ Union dwar it-tkabbir ekonomiku preżenti ta’ pajjiżna u dak tal-futur kien hemm qbil dwar il-fatt li pajjiżna għandu jġedded il-mudell aktar milli jmur għal mudell ġdid.

L-ekonomista Silvan Mifsud qal li jeħtieġ li nagħmlu distinzjoni bejn mudell ekonomiku u mudell ta’ tkabbir ekonomiku. Mifsud kien ċar li pajjiżna ma jistax ikun kollox għal kulħadd. Saħaq li l-ebda pajjiż, kbir kemm hu kbir ma jista’ jkun kollox għal kulħadd.

Fejn tidħol Blockchain, Mifsud qal li pajjiżna żbalja meta pprova jirregola tecknologija li ma fehemx. Huwa qal li pajjiżna daħal biex jirregola settur daqstant kbir b’tali mod li r-regolamentazzjoni li saret mhux ma attiratx pajjiżi biex jinvestu f’pajjiżna.

Biex inżidu l-produttività, Mifsud issuġġerixxa li rridu nissettjaw il-prijoritajiet tagħna u mmorru f’dawk l-areas li se jħallu ritron sostanzjali f’dak li għandu x’jaqsam il-valur.

Bżonn li nibnu fuq dak li diġà ksibna

L-Analista Finanzjarju Steve Ellul qal li l-modifikazzjoni tal-mudell tat-tkabbir ekonomiku tibda billi nibnu fuq dak li ksibna bħala pajjiż. 

Fejn jidħol turiżmu, Ellul qal li jeħtieġ li nippromwovu dak li jagħmilna awtentiċi biex nattiraw iktar turist ta’ kwalità. 

Fejn tidħol l-industrija finanzjarja, fl-aħħar deċenji, kien hemm investiment ta’ aktar minn €20 biljun f’kumpaniji lokali. Huwa qal li pajjiżna jista’ jikber ekonomikament filwaqt li jagħmel dak li hu ġust kemm għall-pajjiż kif ukoll għan-nies. 

Huwa saħaq dwar il-bżonn li l-gvern jibqa’ jinvesti fin-negozji lokali, inaqqas il-burokrazija u naraw li nużaw il-fond kapitali biex nassiguraw li l-istess negozji tagħna jkunu jistgħu jipproduċu dak li verament għandna bżonn bħala nazzjon.

Tkellem ukoll Reuben Buttigieg, Direttur Maniġerjali ta’ ERREMME Business Advisors, li tenna li hemm lok għal iżjed investiment iżda rridu nagħżlu l-aħjar kwalità għal pajjiżna.

“Irridu naħdmu biex nikkonsolidaw dak li għandna”

Waqt l-istess konferenza tkellem il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali (MDIA) Kenneth Brincat li saħaq li aktar milli niffokaw fuq il-ħtieġa li jinħoloq mudell ekonomku ġdid, irridu naħdmu biex nikkonsolidaw dak li għandna. Tkellem dwar l-importanza li l-ħaddiema jkomplu jiksbu aktar ħiliet filwaqt li n-negozji f’Malta jingħataw aktar inċentivi li jkunu ta’ sostenn għalihom fit-trasformazzjoni diġitali. 

“Bl-intelliġenza artifiċjali, se jkun hemm aktar effiċjenza u n-negozju tagħhom ikun aktar ta’ suċċess,” qal Brincat. “Huwa importanti li nibqgħu nassistu lin-negozji tagħna biex ikomplu jikbru u dan permezz ta’ aktar teknoloġiji innovattivi.”

“Għandna l-kwantità imma rridu l-kwalità”

Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering (ACE) Michelle Muscat tkellmet dwar l-iskill cards fl-industrija tat-turiżmu u qalet li l-Assoċjazzjoni hi favur din ir-riforma iżda “rridu noqogħdu attenti kif din se tkun implimentata”. Dan b’mod partikolari fir-rigward tat-tul ta’ żmien minn meta ssir l-applikazzjoni sal-ħruġ tal-permess rispettiv.

“Għandna l-kwantità imma rridu l-kwalità. It-taħriġ u r-reskilling tal-impjegati huwa wkoll importanti biex ir-riżorsi umana mħarrġa f’pajjiżna ma tintilifx. L-iskill cards se jgħinu biex jonqsu l-abbużi li seta’ kien hemm,” tenniet Muscat. 

Livelli ta’ produttività li jeħtieġ jitjiebu

Min-naħa tiegħu, l-ekonomista JP Fabri saħaq dwar il-ħtieġa li pajjiżna jagħraf liema huma dawk l-industriji li jkunu qegħdin juru tkabbir u aktar importanti minn hekk huwa li jiggarantixxi li jkollu r-riżorsi umani neċessarji biex jopera fihom. 

Dwar il-mudell tat-tkabbir ekonomiku, l-ekonomista qal li fl-opinjoni tiegħu l-ikbar problema li għandu pajjiżna hija l-produttività u jeħtieġ li dawn il-livelli jitjiebu biex jiżdied il-valur ta’ pajjiżna.

Huwa aċċenna għal industriji bħalma huma l-gaming u l-blockchain kif ukoll dik marittima u l-bżonn li fejn tidħol din tal-aħħar li r-riżultati juru s-suċċess ta’ pajjiżna, nimirħu f’partijiet oħra biex pajjiżna jkun jista’ jkompli jimraħ.

“Niżviluppaw il-mudell ekonomiku sabiex nadattaw għal realtajiet ġodda” 

L-Avukat Alex Borg tenna li aktar milli noħolqu mudell ekonomiku totalment ġdid, irridu niżviluppaw il-mudell ekonomiku preżenti sabiex nadattaw għal realtajiet ġodda li qed jiżviluppaw f’pajjiżna. Qal ukoll li rridu nħarsu b’mod aktar wiesgħa sabiex nibqgħu attraenti għall-investiment dirett barrani.

“Irridu nħarsu wkoll lejn niċeċ oħra f’oqsma diġà stabbiliti fosthom bl-Intelliġenza Artifiċjali, li hija industrija li qed tevolvi,” tenna Dr Borg. 

Ekonomija

Sport