Saturday, November 23, 2024

Ekonomisti jilqgħu l-pjan tal-Gvern biex iqajjem l-ekonomija

Aqra wkoll

Gordon Cordina, Alfred Mifsud u Philip von Brockdorff jgħidu tagħhom dwar il-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika

Il-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika mħabbar mill-Gvern din il-ġimgħa ġab miegħu reazjonijiet pożittivi minn tliet ekonomisti ewlenin fil-pajjiż anke jekk ma naqsux l-appelli tagħhom biex il-pajjiż jara li jagħmel l-aħjar użu minnu.

inewsmalta talbet lil Dr Gordon Cordina, Dr Philip von Brockdorff u Alfred Mifsud x’jaħsbu mill-pjan immirat biex jerġa’ jdawwar ir-rota ekonomika wara d-daqqa li qalgħet minħabba l-Covid19.

Cordina qalilna li huwa jaħseb li dan il pakkett huwa l-pont ta’ kontinwità bejn il-miżuri ta’ emerġenza li ttieħdu tlett xhur ilu u t-triq li trid tieħu lil pajjiżna lejn it-tkabbir sostnut li konna ninsabu fih qabel ma faqqgħet il-Covid19.

“Wara li pajjiżna rnexxielu fejn fallew bosta oħrajn billi żamm l-impjiegi u l-intrapriżi stabbli kemm jista’ jkun fl-agħar riċessjoni globali li nistgħu niftakru issa wasal il-waqt li nnaqqsu l-ispejjeż għall-intrapriżi, inħallu iktar flus fil-bwiet tal-familji ħalli jdawwru r-rota ekonomika bl-infieq tagħhom u ninvestu b’iktar saħħa fi proġetti li jirrendu fit-tul”.

Cordina nsista wkoll li rridu naħsbu wkoll kif pajjiżna se jiffinanzja dan kollu u semma kif parti se jiġi mit-tkabbir ekonomiku nnifsu u parti oħra minn żieda fis-self li pajjiżna jiflah sew għaliha. 

Huwa sostna li iżda tkun ħasra jekk programm bħal dan ikollu jissarraf f’taxxi ogħla fil-futur u saħaq li għalhekk importanti li nsostnu iktar minn qatt qabel l-effiċjenza fl-operat tal-Gvern u tal-privat u t-tneħħija tal-ħela. 

“Irridu nħarsu ‘l quddiem lejn tkabbir sostanzjali fl-esportazzjoni ħalli jiżdied l-qligħ tal-pajjiż kollu kemm hu speċjalment la jirpiljaw is-swieq barranin u l ivvjaġġar. Irridu nimxu lejn ekonomija iktar sostenibbli fl-ambjent u fl-isfidi li jiġu mal-medda taż-żmien fil-pensjonijiet u spejjeż għas-saħħa”.

Dr Cordina żied li l-pakkett imħabbar diġa fih miżuri importanti f’dawn l-oqsma u qal li jistenna li dawn ikunu qed jissaħħu b’iktar enfasi fil-futur wara li l-għan prinċipali ta’ bħalissa, cioe dak li nerġgħu nqabbdu l-magna tal-ekonomija tagħna, jintlaħaq fil-ġimgħat u xhur li ġejjin.

“Il-miżuri jirriflettu l-isfida kbira li qed niffaċċjaw” – Philip von Brockdorff

Min-naħa tiegħu, Philip von Brockdorff irrimarka li dak li tħabbar din il-ġimgħa jirrifletti l-isfida kbira li ikkawżaw ir-restrizzjonijiet minħabba l-pandemija.

“Meta jkollok settur sħiħ bħat-turiżmu wieqaf għal kollox għal tul ta’ żmien hu diffiċli immens biex ir-rota ekonomika terġa’ iddur. Fil-fatt numru ta’ miżuri humu immirati lejn dan is-settur u dak tal-‘catering’ permezz ta‘ ‘cash vouchers’. Madankollu s-settur tat-turiżmu għandu sas-sena 2021 biex, b’xi mod jew ieħor, jirkupra u għalhekk dawn il-miżuri jista’ jkollhom jiġu estiżi”.

Dr von Brockdorff sostna li l-miżuri, li parti sostanzjali minnhom għandhom effett immedjat, se jtaffu parti minn din l-isfida iżda xorta waħda jeħtieġ li n-negozji jagħmlu l-parti tagħhom. 

Huwa semma li hemm miżuri oħra li jħarsu aktar fit-tul speċjalment dawk marbuta ma’ ‘start-ups’, l-ekonomija diġitali u esportazzjoni waqt li nsista li dawn huma kollha pożittivi. 

Von Brockdorff sostna li miżuri li jħarsu aktar fit-tul huma dejjem aktar sostenibbli għaliex jistgħu jagħmlu differenza fl-operat tan-negozji u saħaq li huwa tajjeb li l-Gvern jiffoka aktar fuq dawn it-tip ta’ miżuri fil-Budget 2021 milli minn dawk li għandhom effett immedjat.

Miżuri oħra, bħat-tnaqqis fit-taxxi fuq proprjetà u sussidji fuq il-kirjiet, għandom effett temporanju u wieħed jittama li dawn il-mizuri ma jwasslux biex setturi bħall-bini ma jsirx aktar dipendenti fuq interventi tal-Gvern. 

“Kif ħabbru l-Malta Developers Association (MDA) stess is-settur tal-bini ma kienx ta’ piż fuq l-ekonomija waqt il-pandemija. Bla dubju is-settur tal-bini jibqa’ wieħed importanti u naħseb li wasal il-waqt li l-politika tal-Gvern għal dan is-settur tkun aktar orjentata biex il-bini tagħna jkun aktar effiċjenti fl-użu tal-energija”.

Dr von Brockdorff żied li jifhem il-karba tas-sidien tal-ħwienet biex jingħataw sussidji fuq kirjiet u kontijiet tad-dawl pero’ jittama li dawn il-miżuri jibqgħu temporanji.

Huwa qal li kien qed jgħid dan għax jidher li d-deficit tal-Gvern se jiżdied għal madwar 7% u wissa li jekk dawn il-miżuri ma jkollhomx l-effett meħtieġ dan id-deficit ikompli jiżdied. 

“L-għaqal fit-tmexxija tal-finanzi pubbliċi tibqa’ kruċjali minħabbi l-obbligi tal-Patt ta’ Stabbilita’ u Tkabbir għax l-obbligi jibqgħu jgħoddu minkejja l-General Escape Clause li ġiet applikata b’mod temporanja. Naħseb wasal il-waqt li jkun hemm reviżjoni fir-regoli tal-Patt ta’ Stabbilita’ u Tkabbir minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja li qed jiffaċċjaw pajjiżi fil-euro area nkluż Malta”.

Von Brockdorff irrimarka li ta’ min ifakkar li Malta tista’ tkun eliġibbli għal madwar €1 biljun bħala parti mill-proposta tal-Kummissjoni Ewropea biex l-ekonomija tjirkupra mill-effetti tal-miżuri restrittivi minħabba Covid-19. Din il-proposta, li hi volontarja u marbuta ma’ ristrutturar ekonomiku u pjan għal koeżjoni soċjali, qed tħares aktar fit-tul u ma tista’ qatt tissostitwixxi miżuri li għandhom effett immedjat”.

“Fid-dawl ta’ dan kollu naħseb li l-miżuri li tħabbru jista’ jkollhom effett biex isostnu l-konsum u jtaffu xi piżijiet fuq in-negozji milquta iżda għad hemm element ta’ inċertezza. Wieħed jittama li ngħaddu minn dan iż-żmien ta’ inċertezza kemm jista’ jkun malajr biex nerġgħu nsaħħu l-finanzi pubbliċi, inkomplu nsaħħu l-koeżjoni soċjali u niffukaw aktar fuq l-ambjent u t-tnaqqis tal-emissjonijiet fl-arja”, temm jgħid fil-kumment tiegħu.

“Pakkett b’saħħtu ħafna” – Alfred Mifsud

Alfred Mifsud iddeskriva l-pakkett bħaal wieħed b’saħħtu ħafna li jiswa madwar 7% tal-Prodott Gross Domestiku li se jkun effettiv biex jerġa’ jibda jdawwar ir-rota ekonomika wara x-xokk tal-pandemija.

Huwa faħħar l-estensjoni tas-sussidji tal-pagi sa Settembru u iddeskrivih bħala pass għaqli u bżonnjuż waqt li kompla li l-istimuli għal investimenti u konsum jgħin biex bil-mod il-mod is-sussidji ma jkunx hemm aktar bżonnhom .

Mifsud kompla li t-tnaqqis fl-ispejjeż tan-negozju permezz tas-sussidji tal-kontijiet tal enerġija, liċenzji u kirjiet hu pass f’waqtu biex in-negozji jirpiljaw malajr.

Huwa semma wkoll it-tnaqqis fil-prezz tal-fjuwil fejn qal li dan huwa wkoll ta’ għajnuna kemm għan-negozji kif ukoll għall-konsumatur waqt li sostna li kien jippreferi li kieku dawn is-sussidji jinghataw fi ‘green deals’.

“Hemm ħafna miżuri utli oħra. Ovvjament dawn il-miżuri jqumu ħafna flus. U probabbli li d-deficit għal din is-sena jitla’ għal bejn 12% u 15%. Imma għalhekk kien hemm is-surplus!”.

Mifsud żied li din is-sena se noħorġu minn dak li ġemmajna fl-aħħar seba’ snin imma rridu nbierku dan l-infiq biex noħorġu minn dan ix-xokk aktar b’saħħitna u aktar kompettivi. Fl-istess waqt wissa li anke jekk jiġu flus mill-UE ma rridux inkunu dipendenti fuqhom.

Sport