Saturday, October 26, 2024

Eks-ċermen tal-Enemalta jitlef tentattiv biex tieqaf kawża dwar tixħim

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-Imħallef Joseph Micallef warrab talba li għamillu l-eks-Ċermen tal-Enemalta Tancred Tabone biex il-kawża kontrih dwar korruzzjoni tieqaf minħabba li kien hemm min semmih quddiem kumitat parlamentari.

Tancred Tabone fetaħ il-kawża kostituzzjonali kontra l-Ispeaker tal-Parlament u l-Avukat tal-Istat.

Huwa semma kif fi Frar 2013 tressaq fil-Qorti tal-Maġistrati mixli b’tixħim, frodi u ħasil ta’ flus u wara li l-Awditur Ġenerali ħejja rapport dwar ix-xiri taż-żejt bejn l-2008 u l-2013 issejjaħ biex jixhed quddiem il-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi.

Tabone nsista li matul is-seduti ta’ dan il-kumitat kien hemm min esprima l-fehma li huwa kien ħati meta l-kawża kriminali kontrih għadha ma nqatgħetx.

Kien għalhekk li talab lill-Qorti Kostituzzjonali biex mhux biss tiddikjara li kellu d-dritt tiegħu ta’ smiegħ xieraq miksur imma twaqqaf il-kawża fil-Qorti tal-Maġistrati.

L-Imħallef Micallef ikkonkluda li verament ġarrab ksur tal-jedd tiegħu għal smigħ xieraq minħabba l-mod kif mexa l-imsemmi kumitat parlamentari imma ma qabilx li dan għandu jwassal biex tieqaf il-kawża kriminali.

Huwa irrimarka wkoll li l-fatt li saru ‘l fuq minn 80 seduta mill-kumitat dwar ir-rapport tal-Awditur juri l-firxa wiesgħa li ħadet din id-diskussjoni bla ma waslet imkien.

Sport