Wednesday, February 18, 2026

Eks direttur ta’kumpanija jinħeles minn akkużi ta’ misapproprijazzjoni ta’ €588,000 f’VAT

Aqra wkoll

Il-prosekuzzjoni ma rnexxielhiex tipprova b’mod ċar l-elementi tal-reat, ossija li l-imputat irċieva jew uża l-flus tal-VAT għall-benefiċċju tiegħu stess.

Carmel Penza ta’ 70 sena, eks-direttur ta’ Penza Tarmac Limited, ma nstabx ħati tal-akkużi ta’ misapproprijazzjoni relatati ma’ VAT mhux mħallas li ammonta għal €588,527.87.

Penza kien akkużat ta’ misapproprijazzjoni kemm fil-kapaċità personali tiegħu kif ukoll bħala Direttur tal-kumpanija Penza Tarmac Limited, minħabba li allegatament ma ħallasx is-somma totali dovuta lid-Dipartiment tal-VAT.

L-akkużi jmorru lura għall- 2009.

L-imputat kien wieġeb mhux ħati għall-akkużi li ġew dedotti kontrih.

Wara li għamel appell, il-Qorti ħarġet digriet fit-16 ta’ April 2024, fejn laqgħet it-talba tiegħu biex titneħħa s-sottomissjoni tiegħu tad-22 ta’ Settembru 2009. Id-digriet qal li kull referenza għal dik is-sottomissjoni fil-proċeduri kurrenti, inkluż ix-xhieda ta’ Spettur tal-Pulizija, ma kinitx valida.

Ix-xhieda ewlenin tal-prosekuzzjoni inkluż dik ta’ rappreżentant tal-VAT, li ppreżenta dokumenti li kienu jinkludu formoli ta’ reġistrazzjoni tal-VAT, rekords tal-kumpanija, u VAT returns li wrew bilanċ dovut ta’ €573,527.87.

Ix-xhieda kienet ikkonfermat li Penza għamel ħlas ta’ €15,000 fl-4 ta’ Marzu 2011.

Rappreżentant tal-MFSA ippreżenta wkoll il-Memorandum u l-Artikoli ta’ Assoċjazzjoni ta’ Penza Tarmac Limited, li kkonfermaw li Penza kien direttur tal-kumpanija mill-7 ta’ April 2010.

L-Ispettur Maurice Curmi xehed li l-Kummissarju tal-VAT kien talab lill-Pulizija biex jieħu passi kontra l-kumpanija u kontra Penza għal nuqqas ta’ ħlas ta’ aktar minn €500,000 fil-VAT. Madankollu, fid-digriet ta’ April 2024, kwalunkwe referenza għas-sottomissjoni preċedenti ta’ Curmi ġiet meqjusa inadmissibbli.

Il-Qorti referiet għal kawżi ġa deċżi li qalu li l-misapproprjazzjoni ma sseħħx biss permezz ta’ ingann imma meta proprjetà li tkun fdata lilek tużaha għall-użu personali.

Il-Qorti osservat li l-unika evidenza disponibbli kienet ix-xhieda mir-rappreżentanti tal-MFSA u tal-VAT.

Is-sottomissjoni ta’ Penza ġiet ukoll eskluża, u ma ngħataw ebda prova oħra bħal rekords bankarji jew xi xhieda ta’ accountant.

Il-Qorti kkonkludiet li l-prosekuzzjoni ma rnexxielhiex tipprova l-akkuża sal-grad li ma tħallix dubju dettat mir-raġuni li Penza rċieva personalment jew uża l-fondi tal-VAT għall-benefiċċju tiegħu.

Għalhekk, Carmel Penza ġie misjub mhux ħati tal-akkuzi miġjuba kontrih.

Il- Maġistrat Yana Micallef Stafrace ippresediet il-każ.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport