Saturday, November 16, 2024

Eks ħaddiem tal-Università ta’ Malta mitlub jirrifondi lura €51,000

Aqra wkoll

Battalja legali bejn l-Università ta’ Malta u eks impjegat tagħha li kien xtaq ikompli bl-istudji u ingħata borża ta studju, wasslet biex dan il-ħaddiem li llum hu eks impjegat tal-istess Università ta’ Malta, kien ordnat jagħti lura xejn inqas minn €51,000. Dan seħħ wara li l-Qorti f’sentenza li tagħat iddikjarat li l-ħaddiem kien kiser ftehim li hu stess kien għamel mal-Università ta’ Malta. Fil-ftehim kien hemm stipulat li wara l-borża ta’ studju dan kellu jaħdem għal ħames snin mal-Università.

Il-kwistjoni inqalgħet wara li hu mar bħal Borża ta’ Studju u ggradwa, fejn qabel mar hu kien impjegat bħala Laboratory Officer II fid-Dipartiment tal-Kimika.

Ġara li l-ħaddiem kien xtaq ikompli bl-istudji u talba tiegħu kienet approvata. Sar ftehim u dan kien jgħid li għall-perjodu bejn is-sena 2004 u s-sena 2006 seta’ jistudja fl-Università ta’ Perugia fl-Italja. Biss kien hemm il-kundizzjoni li wara li jtemm l-istudji jaħdem għal ħames snin mal-Università ta’ Malta. Kiseb il-Ph.D u peress li kien imdaħal f’diversi proġetti ta’ riċerka fl-Italja talab perjodu ta’ leave bla ħlas u dan kien ingħatalu.

Ġara iżda li hu ma riedx jirritorna. Dan seħħ għax kien infurmat li ma kienx se jkun hemm vakanza f’pożizzjoni akkademika u kien għalhekk li aċċetta kuntratt mal-Università ta’ Perugia. L-Università ta’ Malta kienet infurmatu li la ma rritornax għax-xogħol kienet qed ittemmlu l-impjieg. Ma’ dan talbitu jagħti lura €62,604.

Huwa ħallasha lura €11,000 u bħala ġest ta’ rieda tajba għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar, akkomodazzjoni, għixien u tagħlim iżda rrifjuta li jrodd lura s-salarju ta’ Laboratory Officer u l-ispejjeż tas-sigurtà soċjali li l-Università ta’ Malta ħallsitlu tul it-3 snin tal-Ph.D.

Kien għalhekk li l-Università ta’ Malta fetħitlu l-kawża fejn talbet lill-Qorti tordnalu jirrifondiha d-differenza fl-ammont mitlub minnha.

Il-Qorti ftit aktar minn ħames snin ilu kien tat raġun lil Università u talbitu jirrifondi €51,000 iżda hu appella.

Il-Qorti tal-Appell iddikjarat li l-Università ta’ Malta ma imponiet ebda multa fuqu relatata ma’ xi nuqqas f’xogħlu u t-talba tagħha kienet limitata għar-rifużjoni tal-ispejjeż, is-salarju u l-bolla f’perjodu meta ma kien qed jagħti ebda servizz lill-prinċipal tiegħu. Id-deċiżjoni tal-Qorti kienet konfermata u ntalab jagħti lura €51,000.

Ekonomija

Sport