Sunday, June 22, 2025

Eks kandidat tal-PN jakkuża lil Daphne Caruana Galizia bi tfigħ tat-tajn

Aqra wkoll

L-avukat Georg Sapiano, eks kandidat mal-Partit Nazzjonalista, akkuża lil Daphne Caruana Galizia bi tfiegħ tat-tajn. Fuq Facebook Sapiano, li kien kandidat ma’ GonziPN fis-sena 2008, kiteb li meta fis-sajf tas-sena 2017 fil-blog tagħha Caruana Galizia kienet ippubblikat sensiela ta’ stejjer fejn allegat li Adrian Delia daħħal flus f’kont f’bankarju f’Jersey li kienu ġejjin mill-prostituzzjoni f’Soho, kienet qiegħda biss titfa’ t-tajn li iżda ma qabadx.

F’dak iż-żmien Delia kien wieħed mill-kontestanti sabiex jinħatar Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista minflok Simon Busuttil. B’reazzjoni għal dak li kienet tikteb fuqu, waqt l-attivitajiet tiegħu Delia kien isejjaħ lil Caruana Galizia bħala ‘biċċa blogger’ u kien fetaħ ħames libelli kontra tagħha.

Il-kumitat ta’ etika tal-Partit Nazzjonalista kien ħejja rapport fejn esprima riservi dwar il-kandidatura ta’ Delia, fid-dawl tal-akkużi dwar ħasil ta’ flus li kien qiegħed iħabbat wiċċu magħhom. Fit-30 t’Awwissu tas-sena 2017, tlett ijiem biss qabel l-elezzjoni għall-Kap, Simon Busuttil li kien għadu qiegħed jokkupa l-kariga ta’ Kap Nazzjonalista, kien ħareġ jgħid li fid-dawl ta’ dawn ir-riservi kieku huwa kien Adrian Delia kien jirtira n-nominazzjoni tiegħu.

Il-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista waqt li kien wasal għall-istess konklużjoni ta’ Busuttil, kien qal li persuna li taspira li ssir Kap tal-PN u li jkollha fuqha dellijiet, tkun qed tikkomprometti lilha nnifisha u lill-partit. L-istess Kunsill kien qal li dwar it-tlett kandidati l-oħra – Chris Said, Alex Perici Calascione u Frank Portelli – ma kien instab xejn li jikkomprometti l-integrità tagħhom.

Oħt Caruana Galizia, Mandy Mallia, ħasset il-bżonn li twieġeb għal dak li kiteb Sapiano u qaltlu illi ma kienx f’postu li jikteb li oħtu gidbet meta ma tistax tiddefendi lilha nnifisha. Sapiano minn naħa tiegħu wieġeb lura li huwa kien ċaħad kitba ta’ Caruana Galizia meta kienet għadha ħajja.

Spjega kif Caruana Galizia kienet kitbet li Delia u huwa kienu qed imexxu kumpanija Amerikana bl-isem ta’ CC Bill meta fil-verità huma kienu biss l-avukati ta’ din il-kumpanija. Waqt li fakkar lil Mallia, li f’dik l-okkażjoni anki Manuel Delia kien wissa lil Caruana Galizia biex tgħid il-verità dejjem, Sapiano żied li għaldaqstant bil-kontra tal-impressjoni mogħtija, mhux kull allegazzjoni li saret minn Caruana Galizia kienet ibbażata fuq fatti.

Sapiano, li għamel snin twal jippreżenta programmi fuq l-istazzjonijiet tal-Partit Nazzjonalista, taħt gvernijiet Nazzjonalisti ngħata b’eluf kbar ta’ ewros f’konsulenzi.

Il-kuntratti ta’ konsulenzi ngħataw lil Sapiano & Associates, ‘Aequitas Legal’ jew lil Georg Sapiano nnifsu. Minn Transport Malta biss ingħata kuntratt għal konsulenza li sewa xejn anqas minn €333,000 dwar ir-riforma tat-trasport pubbliku tal-Arriva. Mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tħallas €113,000 b’direct orders, waqt illi mill-Awtorità għas-Saħħa u Sigurtaà, l-kumpanija ta’ Georg Sapiano inghatat €243,000 oħra. Għal xi zmien Sapiano u Delia kienu jaħdmu fl-istess ditta tal-avukati.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport