Sunday, January 19, 2025

Eks kap tal-Knisja tal-Ingilterra rriżenja mis-saċerdozju

Aqra wkoll

Eks-mexxej tal-Knisja tal-Ingilterra rriżenja minn saċerdot wara allegazzjonijiet li naqas milli jitratta kif suppost il-każ ta’ qassis akkużat b’kondotta sesswali ħażina. George Carey, li kien Arċisqof ta’ Canterbury mill-1991 sal-2002, ġie rrapportat li ħalla jerġa’ lura għas-saċerdozju qassis li kien ġie pprojbit minħabba pretensjonijiet ta’ abbuż sesswali.

Fl-ittra tar-riżenja tiegħu, mibgħuta fl-4 ta’ Diċembru, Carey qal li kien ilu attiv fis-saċerdozju mill-1962. Huwa għandu 90 sena u fl-ittra tar-riżenja tiegħu ma semmiex l-investigazzjoni.

Carey kien ħalla lill-qassis, David Tudor, jerġa’ jaħdem fil-knisja fl-1994 wara li Tudor ġie sospiż mill-ministeru għal ħames snin fuq allegazzjonijiet ta’ attakk sesswali fuq tfajliet adoloxxenti.

Huwa stqarr li kien ta’ unur għalih li jaqdi fid-djoċesijiet ta’ Londra, Southwell, Durham, Bristol, Bath u Wells, Canterbury u fl-aħħar Oxford.

Ir-riżenja ta’ Carey seħħet hekk kif saċerddot anzjan ieħor li kellu jieħu l-inkarigu temporanju tal-Knisja tal-Ingilterra ffaċċja sejħiet biex jirriżenja wkoll minħabba li mmaniġġja b’mod ħażin l-istess każ ta’ Tudor.

Allegatament, l-Arċisqof ta’ York, Stephen Cottrell ħalla lil Tudor jibqa’ fil-kariga tiegħu minkejja li kien jaf li kien ġie pprojbit mill-knisja milli jkun waħdu mat-tfal u kien ħallas kumpens lil wieħed mill-akkużi tiegħu.

Tudor twaqqaf għal għomru mill-ministeru f’Ottubru wara li ammetta li kellu relazzjonijiet sesswali ma’ żewġ tfajliet adoloxxenti, ta’ 15 u 16-il sena, fis-snin tmenin.

L-Arċisqof Cottrell għandu ix-xahar id-dieħel jieħu f’idejh bħala l-kap spiritwali tal-knisja mill-Arċisqof ta’ Canterbury Justin Welby, li rriżenja wkoll f’Novembru minħabba l-mod kif mexxa talbiet separati ta’ abbuż sesswali.

Skont il-BBC, Cottrell qal li kien dispjaċut ħafna li ma ttieħdetx azzjoni qabel u wiret is-sitwazzjoni hu. Qal li ma kien hemm l-ebda bażi legali biex isssa tittieħed azzjoni alternattiva.

F’kumment dwar il-każ Tudor, il-Knisja tal-Ingilterra qalet li tagħraf li dawn il-proċeduri la kienu biżżejjed u lanqas iffukati fuq is-superstiti, u li llum kienu jittieħdu deċiżjonijiet differenti ħafna.

L-Arċisqof ta’ Canterbury huwa l-mexxej spiritwali tal-komunita Anglikana globali, li għandha 85 miljun membru f’165 pajjiż. Il-knisja għaddiet minn fehmiet diverġenti ħafna dwar kwistjonijiet bħad-drittijiet tal-omosesswali u l-post tan-nisa fil-knisja.

Sport