L-eks konsulent ekonomiku tal-President Russu Vladimir Putin, Dr Andrei Illarionov, qal li “embargo veru” fuq l-enerġija Russa importata mill-pajjiżi tal-Punent iwassal biex tieqaf il-gwerra ġewwa l-Ukrajna.
Dr Illarionov qal li r-Russja “ma ħaditx bis-serjetà” t-theddida tal-pajjiżi tal-Punent meta dawn qalu li se jwaqqfu l-użu tal-enerġija importata mir-Russja. Minkejja li l-Punent qiegħed jipprova jnaqqas id-dipendenza minn fuq is-sorsi Russi, l-Ewropa xorta waħda għandha tixtri ż-żejt u l-gass minn Moska. Ħafna mid-dħul għar-Russja ġej mill-Unjoni Ewropea hekk kif din timporta 40% tal-gass u 27% taż-żejt mir-Russja.
Fid-dawl ta’ dan, l-eks konsulent ekonomiku qal li jekk il-pajjiżi tal-Punent “jimplimentaw embargo ta’ vera fuq l-importazzjoni ta’ żejt u gass mir-Russja… jien ngħid li fi żmien xahar jew tnejn, l-operazzjoni militari Russa ġewwa l-Ukrajna tieqaf.” Huwa tenna li, “din hija waħda mill-iktar għodda b’saħħitha li għandhom fil-pussess tagħhom il-pajjiżi tal-Punent.”
Filwaqt li l-kummerċ ta’ żejt u gass mar-Russja kompla għaddej anke waqt il-kunflitt, l-għadd ta’ sanzjonijiet imposti wasslu biex sezzjoni kbira ta’ attività ekonomika ġewwa Russja waqfet ħesrem, u għadd ta’ kumpaniji telqu mill-pajjiż. Studju riċenti li sar mill-bank ċentrali Russu jgħid li b’dawn is-sanzjonijiet l-ekonomija Russja se tkun qiegħda tiċkien bi 8% matul din is-sena. Min-naħa tiegħu l-Istitut Finanzjarju Internazzjonali qiegħed jikkalkula li l-ekonomija saħansitra se tiċkien bi 15%.
Dr Illarionov qal li hu jemmen li l-President Putin huwa ppreparat li jirreżisti din id-daqqa ekonomika u jkompli jippersisti wara l-objettivi tiegħu. Illarionov qal li, “l-ambizzjonijiet territorjali u l-ambizzjonijiet imperjali tiegħu huma iktar importati għalih minn kull ħaġa oħra, saħansitra ikbar mill-għejxien tal-poplu Russu u s-sitwazzjoni finanzjarja fil-pajjiż.”

