Monday, December 23, 2024

Eks-plejer Franċiż imut wara 39 sena f’koma

Aqra wkoll

Id-dinja tal-futbol Franċiż tinsab f’luttu hekk kif fl-aħħar sigħat tħabbret il-mewt ta’ Jean-Pierre Adams, l-eks difensur tat-tim nazzjonali li miegħu lagħab 22 darba.

Huwa miet fl-età ta’ 73 sena wara li kien ilu għal dawn l-aħħar 39 sena f’koma.

Il-plejer tal-futbol imwieled fis-Senegal kienet saritlu operazzjoni ta’ rutina fl-irkoppa fis-17 ta’ Marzu 1982. Sfortunatament qatt ma qam wara li xi ħaġa marret ħażin fl-anestesija fl-isptar ta’ Lyon.

Id-difensur għamel aktar minn 140 dehra għal Nizza u lagħab ukoll għal Paris St-Germain.

Nice qal li l-klabb se jagħti ġieħ lil Adams qabel il-logħba home li jmiss kontra Monaco fid-19 ta’ Settembru.

Adams għamel ukoll 84 dehra għal Nimes, li bagħtu l-kondoljanzi sinċieri tagħhom lill-maħbubin tiegħu u l-familja tiegħu.

Fil-jum tal-operazzjoni fl-irkoppa li kellu jagħmel Adams bosta impjegati fl-isptar ġewwa Lyon kienu fuq strajk.

L-operazzjoni tiegħu baqgħet għaddejja, bl-anestetista jieħu ħsieb tmien pazjenti, inkluż Adams, fl-istess ħin. Adams kien qiegħed jiġi sorveljat minn apprendist, li aktar tard huwa qal li ma kienx kompetenti għax-xogħol li ġie afdat bih.

Waqt l-intervent xi ħaġa marret ħażin li kkaġunat lil Adams isofri arrest kardijaku u ħsara fil-moħħ.

Kien biss f’nofs is-snin disgħin li l-anestetista u l-apprendist ġew ikkundannati għal sentenza sospiża ta’ xahar u multa ta’ €750.

Ekonomija

Sport