Saturday, February 14, 2026

Eks PM Norveġiż akkużat b’korruzzjoni u rabtiet ma’ Epstein

Aqra wkoll

Ix-xibka ta’ korruzzjoni li ilha ddur madwar Jeffrey Epstein jidher li qed tkompli testendi wkoll għal diversi pajjiżi. Dan hekk kif dawn l-aħħar jiem, l-eks Prim Ministru Norveġiż Thorbjørn Jagland ġie akkużat b’“korruzzjoni gravi” minħabba r-rabtiet tiegħu ma’ Epstein.

L-akkuża tressqet wara li l-Kunsill tal-Ewropa neħħa l-immunità li l-eks Prim Ministru kien igawdi minnha minħabba r-rwol diplomatiku tiegħu fil-passat. “Huwa ċaħad kull responsabbiltà kriminali u jinsab lest li jikkoopera fl-investigazzjoni,” qal l-avukat tiegħu.

Huwa maħsub li l-emails rilaxxati mill-Gvern tal-Istati Uniti juru li Jagland allegatament ippjana żjarat waħdu u anki mal-familja tiegħu fid-djar ta’ Epstein f’Pariġi, New York u Palm Beach wara li l-biljunarju nstab ħati ta’ reat sesswali fuq it-tfal.

Tlieta mill-proprjetajiet ta’ Jagland sarulhom tfittxijiet mit-Taqsima tal-Pulizija Norveġiża kontra l-Kriminalità, Økokrim, u issa huwa mistenni li jiġi interrogat.

Minbarra li serva bħala Prim Ministru mill-1996 sal-1997, Jagland huwa wkoll eks Kap tal-Kumitat Norveġiż tal-Premju Nobel u serva għal għaxar snin bħala Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa u b’hekk kellu immunità diplomatika billi mexxa l-Kunsill – l-għassies Ewropew għad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem.

Il-Kunsill tal-Ewropa kien intalab minn Økokrim biex jirrevoka l-immunità ta Jagland wara li bdiet l-investigazzjoni aktar kmieni dan ix-xahar dwar akkuża ta’ korruzzjoni kbira magħmula bejn l-2011 u l-2018. L-hekk imsejħa fajls ta’ Epstein juru wkoll każijiet fejn il-finanzier ħallas l-ispejjeż tal-ivvjaġġar lejn il-proprjetajiet tiegħu għal Jagland u l-familja tiegħu.

Huwa qed jiffaċċja wkoll allegazzjonijiet li talab l-għajnuna ta’ Epstein biex jikseb self bankarju fi skambju ieħor, għalkemm mhux ċar jekk dan seħħx. Il-pulizija ma kkonfermatx jekk din l-allegazzjoni hijiex parti mill-akkuża ta’ korruzzjoni gravi.

Politiċi, ċelebritajiet u membri tal-familja rjali nqabdu fit-taħbila wara li d-Dipartiment tal-Ġustizzja tal-Istati Uniti ppubblika l-aħħar sett ta’ fajls ix-xahar li għadda, li fihom miljuni ta’ emails privati, ritratti u rapporti tal-FBI dwar id-delinkwent sesswali Epstein li miet fl-2019 waqt li kien qed jistenna proċess għal traffikar sesswali.

In-Norveġja rat diversi persuni pubbliċi involuti fl-iskandlu li qed jikber, inkluża l-Prinċipessa eredi tal-Kuruna Mette-Marit, id-diplomatiċi Mona Juul u Terje Rød-Larsen, u l-Kap Eżekuttiv tal-Forum Ekonomiku Dinji, Borge Brende.

Fil-fatt u wara dan l-iżvelar, il-Forum Ekonomiku Dinji (WEF) ordna reviżjoni indipendenti dwar Brende – li serva wkoll bħala l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Norveġiż – dwar rabtiet tiegħu mal-pedofelu.

Brende ammetta li mar jiekol ma’ Epstein tliet darbiet fl-2018 u l-2019 u li kkomunika miegħu permezz ta’ emails u messaġġi, iżda qal li ma kienx “konxju” tal-attività kriminali ta’ Epstein fil-passat. Huwa żied jgħid li jilqa’ d-deċiżjoni tal-WEF li tniedi reviżjoni.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport