Eks politiku Awstraljan kien ikkundannat ħames snin u disa’ xhur ħabs talli abbuża sesswalment żewġt irġiel li ltaqa’ magħhom fuq ix-xogħol.
Gareth Ward ta’ 44 sena kien ilu miżmum arrestat minn Lulju li għadda wara li f’ġuri nstab ħati li stupra wieħed mill-irġiel u attakka b’mod indiċenti ieħor, f’inċidenti separati fl-2013 u l-2015.
Ward kien jirrappreżenta l-belt ta’ Kiama fil-Parlament ta’ New South Wales (NSW) mill-2011. Huwa rriżenja minn Ministru tal-Partit Liberali wara li ħarġu l-akkużi kontrih fl-2021, iżda rrifjuta li jitlaq mill-parlament u reġa’ kien elett fl-2023.
Ward, li deher fil-Qorti tad-Distrett ta’ Parramatta, se jkollu jiskonta minn tal-inqas tliet snin u disa’ xhur ħabs qabel ma jkun jista’ japplika għall-parole.
Fis-sentenza tagħha, l-Imħallef Kara Shead SC qalet li l-Qorti trid tibgħat messaġġ ċar li dawk li jwettqu reati simili għandhom jaffaċċjaw sentenzi ibsin.
Wara l-kundanna tiegħu f’Lulju, Ward kien beda proċess legali biex jibqa’ fil-Parlament, u rriżenja ftit mument qabel il-membri setgħu jkeċċuh. It-tim legali tiegħu kien diġà nsista li huwa mistenni jappella mis-sentenza.
Waqt il-ġuri, li dam għaddej disa’ ġimgħat, instema’ kif fl-2013 huwa kien stieden raġel ta’ 18-il sena, li kien fis-sakra, fid-dar tiegħu u allegatament attakkah b’mod indiċenti tliet darbiet, minkejja t-tentattivi tal-vittma biex jirreżistih.
Sentejn wara, huwa allegatament stupra persuna oħra ta’ 24 sena fir-residenza tiegħu wara avveniment li kien sar fil-Parlament.

