Saturday, December 28, 2024

Eks president tal-Perù jintbagħat 20 sena ħabs fuq korruzzjoni u tixħim

Aqra wkoll

Qorti fil-Perù nhar it-Tnejn ikkundannat lill-eks President tal-pajjiż, Alejandro Toledo għal 20 sena u sitt xhur ħabs wara li sabitu ħati ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus. Toledo, li għandu 78 sena, okkupa l-kariga ta’ l-ogħla uffiċċju tal-pajjiż bejn l-2001 u l-2006.

Il-prosekuturi fil-ġuri qalu li Toledo ħa $35 miljun f’tixħim mingħand kumpanija tal-kostruzzjoni Brażiljana li ngħatat kuntratt biex tibni triq fin-Nofsinhar tal-Perù.

Huwa kien arrestat ħames snin ilu fl-istat tal-Kalifornja, l-Istati Uniti fejn kien għex u ħadem għal ħafna snin, qabel ma ġie estradit lejn il-Perù s-sena l-oħra.

Il-kumpanija Brażiljana Odebrecht ammettiet li ħallset miljuni ta’ dollari f’tixħim lil uffiċjali madwar l-Amerika Latina u l-Istati Uniti biex tassigura kuntratti tal-gvern.

L-Imħallef Inés Rojas li ppresidiet il-ġuri qalet li l-Peruvjani kienu fdaw lil Toledo bħala l-president tagħhom, fl-inkarigu mill-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi u responsabbli għall-protezzjoni u l-iżgurar tal-użu korrett tar-riżorsi tal-pajjiż, iżda huwa “froda lill-istat”.

Skont aġenziji tal-aħbarijiet, Toledo ċaħad l-allegazzjonijiet kontrih u waqt is-smiegħ tal-każ tiegħu nhar it-Tnejn, spiss deher jitbissem u kultant anki daħak, speċjalment meta l-imħallef kienet qed titkellem

Fl-2019, eks president Peruvjan ieħor, Alan García, kkommetta suwiċidju billi spara fuqu nnifsu meta l-pulizija waslu d-dar tiegħu biex jarrestawh fuq allegazzjonijiet ta’ tixħim li kienu jinvolvu lill-istess kumpanija Odebrecht. 

Fil-każ kumpanija Odebrecht, li ħames snin ilu biddlet isimha għal Novonor, qed jiġu investigati wkoll żewġ eks presidenti oħra tal-Peru, Pedro Pablo Kuczynski u Ollanta Humala.

Ekonomija

Sport