Sunday, December 22, 2024

Eks Pulizija jixhed li Iosif Galea għadda iktar minn €150,000 lill-eks impjegat tal-MGA

Aqra wkoll

Thomas Zammit, eks uffiċjal tal-Pulizija fit-Taqsima tar-Reati Finanzjarji, xehed kif fuq medda ta’ tliet snin Iosif Galea għadda aktar minn €150,000 lil Jason Farrugia u lil martu. Farrugia hu eks uffiċjal tal-MGA.

Dan ħareġ hekk kif kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni fil-ġbir ta’ provi kontra Iosif Galea fejn jinsab akkużat b’reati finanzjarji kif ukoll b’ħasil ta’ flus relatati ma’ pagamenti. Hu kien tressaq il-Qorti wara li ġie estradit mill-Ġermanja ftit tal-ġimgħat ilu. Galea qiegħed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi.

Fix-xhieda tiegħu, l-eks uffiċjal tal-Pulizija, Thomas Zammit, qal li għalkemm il-pulizija rnexxielha ssib dawn it-tranżazzjonijiet kollha, s’issa għadu mhux stabbilit għaliex saru u x’kienet ir-relazzjoni bejn dawk involuti.

Ix-xhud qal li matul l-interrogazzjoni, Galea għażel li jibqa’ sieket. Hu lanqas tkellem meta ġie mistoqsi dwar ir-relazzjoni li kellu ma’ Farrugia u martu u anke dwar it-tranżazzjonijiet li għaddew bejniethom.

Zammit xehed li l-investigazzjoni dwar Farrugia u martu bdiet wara li kien hemm suspetti li kien qiegħed jgħaddi informazzjoni kunfidenzjali lil Galea. Dan l-allegat reat għadu qiegħed jiġi investigat mit-Taqsima tas-Cyber Crime.

Waqt l-istess seduta xehed ukoll Owen Bugeja li jmexxi d-Dipartiment tas-Software fl-MGA. Qal li Farrugia bħala tekniku ewlieni kellu aċċess għas-sistemi kollha tal-istess awtorità. Bugeja qal li kien waqqaf l-aċċess kollu lil Farrugia wara li kien hemm suspetti serji ta’ ħruġ ta’ informazzjoni. Xehed ukoll li Farrugia ma kienx informat minn qabel li tneħħielu l-aċċess, u fil-fatt kien ipprova jerġa’ jidħol fis-sistema iżda ma rnexxilux.

Ekonomija

Sport