Sunday, November 24, 2024

Eks referee jiċħad suspett ta’ korruzzjoni fil-Każ Negreira

Aqra wkoll

L-eks referee Spanjol, Antonio Lopez Nieto, ċaħad l-idea li kien hemm korruzzjoni sistemika fost ir-refe­rees matul iż-żmien li Jose Maria Enriquez Negreira kien viċi-president tal-Kumitat tar-Referees (CTA).

Lopez Nieto, bħalissa president tat-team tal-basketball ta’ Unicaja Malaga, irreffja f’La Liga mill-1988 sal-2003, f’liema punt kien ikollu kuntatt ma’ Negreira. Imbagħad huwa rritorna fix-xena tar-refereeing fl-2011, fejn qatta’ 10 snin bħala parti mis-CTA stess, qabel telaq fl-2021.

Meta tkellem mal-midja, Lopez Nieto spjega li hu kien inkarigat li jagħżel liema referees kellhom jieħdu ħsieb il-logħob, mhux Negreira.

“Jien kont responsabbli għan-nominazzjonijiet u Negreira ma kellu xejn x’jaqsam magħha. Ngħidha issa u quddiem kull imħallef, f’16-il sena Negreira ma kellu l-ebda influwenza fuq xejn.”

Lopez Nieto kien ukoll ċaħad l-idea lura f’April.

“Jien kont referee ma’ Negreira, u qatt ma qalli xejn dwar ir-refereeing.”

“Naħseb li kollox huwa maħdum u mhux se jinstab xejn.”

Is-CTA sostniet li r-rwol ta’ Negreira kien rappreżentattiv, u ma kellu l-ebda poter.

“Niggarantilkom li mhu se jsibu xejn mir-referees matul iż-żmien li jien kont nirreffja. Nifhem li ma temmnuhiex, iżda Negreira kien vażun (ir-rwol tiegħu kien dekorattiv)”.

Negreira tħallas bejn €7 miljun u €8 miljun fuq 17-il sena bejn l-2001 u l-2018 minn Barcelona, li bħalissa qed jiġu nvestigati mill-pulizija Spanjola.

Imħallef ordna li jinvestigaw korruzzjoni sistemika, u qed jaħdmu wkoll biex jiġi stabbilit jekk Negreira setax kellu leħen dwar liema referees ġew promossi jew relegati minn La Liga u Segunda, u b’hekk jinfluwenzaw il-premjijiet finanzjarji tagħhom.

Sport