Saturday, December 20, 2025

Eks sewwieq tan-Nascar fost il-mejtin fi kraxx ta’ ajruplan

Aqra wkoll

Greg Biffle, eks sewwieq tan-Nascar u l-familja tiegħu kienu fost is-seba’ persuni li mietu fi kraxx ta’ ajruplan f’ajruport reġjonali f’North Carolina, l-Istati Uniti, irrappurtat l-organizzazzjoni tat-tlielaq tal-karozzi. L-aħbar tal-mewt tiegħu saret wara li ġie kkonfermat li Briffle u familtu kien fost dawk li kienu abbord l-ajruplan fil-ħin tal-kraxx.

Skont ma qalu l-uffiċjali li qed jinvestigaw l-inċident, l-ajruplan żgħir tat-tip Cessna C550 iġġarraf waqt li kien qed jagħmel l-inżul tiegħu fl-Ajruport Reġjonali ta’ Statesville għall-ħabta tal-10.30 ta’ filgħodu (ħin lokali). 

Greg Briffle kien aktar minn sewwieq champion. Kien membru maħbub tal-komunità tan-NASCAR, kompetitur qalil, u ħabib ta’ ħafna nies,” qalet in-Nascar fi stqarrija fejn ikkonfermat li Biffle miet flimkien ma’ martu, bintu, ibnu, u tliet persuni oħra.

Lil hinn mis-suċċessi tiegħu bħala sewwieq tan-NASCAR, Greg Biffle se jibqa’ mfakkar li għex ħajja ta’ kuraġġ u kompassjoni bħal meta ta l-appoġġ u l-għajnuna tiegħu kollha f’North Carolina waqt l-Uragan Helene tas-sena l-oħra meta uża l-ħelikopter personali tiegħu biex wassal provvisti u biex isalva residenti mitlufin.

L-awtoritajiet li qed jinvestigaw il-kawża tal-kraxx avżaw li l-Ajruport ta’ Statesville se jibqa’ magħluq sakemm jitneħħew il-fdalijiet mir-runway. 

L-Ajruport Reġjonali ta’ Statesville (KSVH) huwa proprjetà tal-Belt ta’ Statesville, li tinsab madwar 45 minuta bogħod mit-tramuntana ta’ Charlotte. L-ajruport iservi wkoll biex jipprovdi faċilitajiet tal-avjazzjoni għal kumpaniji Fortune 500 u diversi timijiet tat-tlielaq tan-Nascar.

Artiklu preċedenti

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport