Clyde Bajada ta’ 28 sena residenti l-Munxar Għawdex li hu wkoll eks uffiċjal tal-Pulizija ngħata sentenza ta’ ħabs sospiża ammetta quddiem il-Maġistrat Jean Paul Grech li xerred ritratti sesswali mingħajr il-kunsens tal-vittma u li uża mezzi ta’ komunikazzjoni elettronika b’mod mhux xieraq.
Il-każ kien seħħ bejn l-1 ta’ Awwissu u l-20 ta’ Settembru tal-2024 meta Bajada kien għadu fil-Korp tal-Pulizija. Hu kien akkużat li wettaq ħsara emozzjonali lill-vittma billi xerred ritratt tagħha. Kien akkużat ukoll li wettaq dan ir-reat meta kien uffiċjal pubbliku u d-dmir tiegħu kien li reati bħal danw ma jsirux.
Mill-Qorti ħareġ li l-vittma kienet iltaqgħet ma’ Bajada meta kienet xtrat rota mingħandu għat-tfal tagħha. Ġara li bejnithom kien bdiet relazzjoni intima u li matulha l-vittma kienet anke tagħtitlu ritratti intima tagħha.
Aktar tard kienet saret taf li dawn ir-ritratti kienu xxerdu ma’ persuni oħrajn mingħajr il-kunsens tagħha u kien hawn li hija marret tagħmel rapport lill-pulizija.
Fuq ammissjoni tiegħu stess, il-Qorti sabitu ħati tal-akkużi kollha u kkundannatu multa ta’ €4,500 kif ukoll sena ħabs sospiża għal perjodu ta’ sentejn.
Il-Maġistrat Grech ħareġ ukoll ordni ta’ trażżin għal perjodu ta’ tliet snin favur is-sigurtà tal-vittma, filwaqt li wissa lill-ħati dwar il-konsegwenzi serji li jistgħu jirriżultaw jekk jikser tali ordni.

