Saturday, December 21, 2024

Eku tal-kuntratt tal-power station BWSC…

Aġent Malti tal-BWSC ordnat irodd €1.7 miljuni li kien ħa f'commissions

Aqra wkoll

L-Aġent Malti tal-BWSC, Joseph Mizzi, li kien il-persuna responsabbli biex mexxi negozjati mad-Daniżi tal-BWSC biex din tirbaħ it-tender tal-power station ġie ordnat mill-Qorti Ċvili biex irodd kważi €1.7 miljun f’commissions li tħallas mill-kuntratt għall-estensjoni tal-power station f’Delimara 18-il sena ilu. Id-deċiżjoni mill-Imħallef Anna Felice dwar il-kuntratt tal-power station tal-BWSC sabet li Mizzi ħadem minn wara dahar il-kumpanija li kien jaħdem magħha, Associated Supplies Limited biex jieħu hu l-commissions mill-kuntratt tal-power station li swiet €165 miljun.

Mizzi kien ittermina l-impjieg tiegħu mill-ASL iżda baqa’ għaddej waħdu mad-Daniżi u wassalhom jirbħu t-tender tal-power station f’Mejju tal-2009. Il-Qorti sabet li Mizzi uża kumpanija ta’ wliedu biex daħal fi ftehim mad-Daniżi tal-BWSC bil-commissions jidħlu fil-kontijiet tagħha.

Fis-sentenza tagħha, l-Imħallef Felice innotat li xahar wara li Mizzi ħassu ħażin fuq il-post tax-xogħol u sarlu intervent mediku, kellu żjara f’daru minn uffiċjal tal-BWSC li dak iż-żmien kien jinsab Malta. Dak ix-xahar stess Mizzi ġie boarded out iżda xorta baqa’ jsegwi l-kuntratt tal-power station. Il-Qorti qalet li Mizzi xehed b’tali mod u manjiera li pprova jagħti x’jifhem li kollox ġara b’kumbinazzjoni, iżda sostniet li l-fatti juru xort’oħra. 

 L-Imħallef Felice qalet li huwa ferm ta’ tħassib il-mod mgħaġġel li bih Mizzi ġie boarded out meta huwa fatt magħruf li ġeneralment, dawn il-proċessi jieħdu l-ħin tagħhom.

Qieset ukoll li minkejja li suppost kien boarded out, Mizzi stess xehed li kien hu li waqqaf is-sezzjoni tal-konsulenzi fi ħdan il-kumpanija ta’ wliedu u f’temp ta’ ftit xhur mindu ġie boarded out reġa’ beda jaħdem qatigħ. Qalet li ma kienx minnu li kien biss b’kumbinazzjoni li Mizzi reġa’ f’kuntatt mad-Daniżi tal-BWSC u l-laqgħa li kellu magħhom waqt il-perjodu ta’ konvalexxenza, kien ta’ sinifikat kbir għax x’aktarx meta sabu ruħhom ras imb’ras, iddiskutew it-tender u ftehmu li jibqgħu mexjin fil-pjan tagħhom li l-BWSC tapplika għat-tender bl-involviment sħiħ ta’ Mizzi.

Il-Qorti qieset illi kien proprju għal dan il-għan illi Mizzi ħataf ix-xoqqa f’moxta u ħa spunt mis-sitwazzjoni medika tiegħu sabiex jirriżenja mill-impjieg minn ma’ ASL u b’hekk jinħeles mill-ostaklu li kellu sabiex ikompli jassisti lil BWSC.

Il-Qorti qalet li jirriżulta ċar li mill-kuntratt tal-BWSC, Mizzi rċieva commission ta’ kważi €1.7 miljun u dan anke jekk jibqa’ d-dubju dwar il-provenjenza tal-bqija tal-flus li daħlu fil-kontijiet tal-kumpanija ta’ wliedu. Kien għalhekk li ordnat lil Mizzi jirrifondi dan l-ammont lill-kumpanija ASL bl-ispejjeż b’kollox.

Ir-rwol ta’ Mizzi fil-power station tal-BWSC 18-il sena ilu kien qajjem kontroversja politika kbira. Dakinhar il-Kap tal-Oppożizzjoni ta’ dak iż-żmien Joseph Muscat kien iddeskriva l-ftehim bħala “l-iktar kuntratt korrott fl-istorja tal-gvern nazzjonalista”. 

Ekonomija

Sport