Il-qtil fis-sena 2016 ta’ Eleanor Mangion Walker, li bih kien akkużat ir-raġel tagħha Andrew Mangion, kellu żvolta oħra fil-Qorti hekk kif il-Qorti Kostituzzjonali iddikjarat li rapportaġġ ta’ dak li jkun għaddej fi proċeduri kriminali fih innifsu ma jwassalx għall-ksur tal-preżunzjoni tal-innoċenza.
Il-Qorti Kostituzzjonali qalet dan wara li Andrew Mangion kien ilmenta li l-istampa Maltija rrapportat dwar l-allegat involviment tiegħu fil-qtil ta’ martu, u l-Istat m’għamel xejn. Mangion qal li dan wassal biex hu ġie ddikjarat li hu l-qattiel ta’ martu meta l-proċess kriminali għadu għaddej. Talab lill-Qorti tiddikjara li n-nuqqas tal-Istat illi jrażżan il-pubbliċità li ngħata lil dan il-każ jilledi l-jedd lil Andrew Mangion għal smigħ xieraq. Hu talab lill-Qorti ukoll tagħti rimedji, inkluż billi tordna l-waqfien tal-proċeduri kriminali kontra Andrew. Il-Qorti ma laqgħetx it-talbiet tiegħu dwar rimedji mill-Istat fosthom li jieqfu l-proċeduri kriminali.
Andrew Mangion jinsab akkużat bil-qtil ta’ martu f’Lulju tas-sena 2016. Jirriżulta li għalkemm kienu jgħixu fl-istess residenza kienu ilhom separati u f’Lulju tas-sena 2016 kien tressaq b’arrest quddiem il-Qorti . Wara xi erba’ snin f’detenzjoni, kien ingħata l-ħelsien mill-arrest.
Ġara li fit-13 ta’ Frar tas-sena li għaddiet Andrew Mangion fetaħ din il-kawża u ilmenta minn ksur tal-jedd għal smigħ xieraq. Dan sar minħabba li d-digriet tal-11 ta’ Novembru tas-sena 2022 jipprekludih milli jippreżenta l-istqarrija li ta lill-pulizija, u li fil-fehma tiegħu ssaħħaħ il-linja ta’ difiża tiegħu. Qal li provi ta’ ‘printouts’ ta’ posts minn account ta’ Facebook ta’ individwu partikolari, ma ġewx elevati u ppreżervati u lanqas ma ġew investigati u ppreżentati bħala prova. L-istess dwar videos reġistrati bis-sistema ta’ CCTV fiż-żona.
Wieħed jistenna wkoll li l-media kienet se tirrapporta l-qtil ta’ omm ta’ tifla żgħira
Il-Qorti Kostituzzjonali fid-deċiżjoni tagħha qalet li dwar il-pubbliċità li ngħata l-każ tal-qtil qabel għadu sar il-ġuri ta’ Andrew Mangion, qalet li “din il-Qorti hi tal-fehma li l-Ewwel Qorti setgħet tikkunsidra dak l-ilment fil-mertu. Mhemmx għal fejn li wieħed jistenna l-konklużjoni tal-proċeduri kriminali biex jistħarreġ ilment bħal dak, għalkemm wara t- tmiem tal-proċeduri kriminali wieħed ikun f’pożizzjoni aħjar li jistħarreġ jekk dik il-pubbliċità ppreġudikatx b’mod irrimedjabbli l-preżunzjoni tal-innoċenza ta’ Andrew Mangion.
Jedd li hu wieħed mill-elementi tal-jedd fundamentali għal smigħ xieraq. L-ilment tiegħu hu dwar dak li ġara s’issa. Ippreżenta estratti minn gazzetti biex jagħti prova ta’ dak li qiegħed jgħid u għamel ukoll referenza għal oħrajn. Mangion jilmenta li l-Istat m’għamel xejn biex “irażżan il-pre-trial publicity”, għalkemm ma qalx x’jippretendi li kellu jagħmel. Mill-provi lanqas ma rriżulta li f’xi stadju tal-kompilazzjoni hu kien għamel talba lill-Qorti sabiex tagħti ordni dwar ir-rappurtaġġ ta’ dak li kien għaddej waqt il-kumpilazzjoni. Wieħed jistenna wkoll li l-media kienet ser tirrapporta l-qtil ta’ omm ta’ tifla żgħira u s-sejbien tal-katavru f’garaxx.”
Il-Qorti Kostituzzjonali ddikjarat li “waqt li m’hemmx dubju li l-qtil ta’ omm ta’ tifla kien ixxokkja pajjiż, min-naħa l-oħra l-prudenza tal-media hi meħtieġa. Hawn ix-xogħol tal-editur hu importanti sabiex jiġi żgurat li r-rapportaġġ ma jippreġudikax il-preżunzjoni tal-innoċenza. Sfortunatament iktar ma jdum pendenti l-proċess kriminali, iktar ser ikun hemm l-opportunità ta’ kummenti fil-media, inkluż il-midja soċjali. Mangion lanqas ma ressaq xi prova li kien hemm xi kampanja qalila kontrih fuq il-midja soċjali.
Il-Qorti qrat ukoll artikoli oħra li għamel referenza għalihom Andrew Mangion iżda fil-fehma tagħha dawn huma rapportaġġ ta’ dak li kien għaddej fil-Qorti waqt is-seduti tal-kompilazzjoni, li huma miftuħin għall-pubbliku. Dak hu l-istadju preliminari tal-proċess kriminali, bil-provi jerġgħu jinstemgħu waqt il-ġuri. Li Andrew Mangion hu akkużat bil-qtil ta’ martu hu fatt. Wieħed jistenna li meta tqis is-serjetà tar-reat u l-akkużi li hemm kontra Andrew Mangion, il-media ser tkun qiegħda ssegwi x’qiegħed jingħad fl-istadju tal-kumpilazzjoni u tirrapporta x’ikun intqal mix-xhieda. Hu fatt li lokalment fil-gazzetti u fil-mezzi tax-xandir jiġi rapportat b’mod estensiv dak li jkun għaddej fil-Qorti. Ħafna drabi jkunu aħbarijiet mill-Qorti li ftit li xejn ikollhom valur ta’ aħbar ta’ interess pubbliku. Madankollu, ir-rapportaġġ ta’ dak li jkun għaddej fi proċeduri kriminali fih innifsu ma jwassalx għall-ksur tal-preżunzjoni tal-innoċenza.”
Mis-sentenza ħareġ li hu ppreżenta ukoll CD b’erba’ filmati relatati mal-każ u li xxandru snin ilu fuq stazzjonijiet tat-televixin. Intqal li “l-Qorti rathom u tikkonkludi li l-ebda wieħed minn dawk il-filmati ma jwassalha biex tikkonkludi li Andew Mangion ġie ttimbrat bħala ħati li qatel lil martu.
Filmat hu rapportaġġ dwar fejn instabet mejta l-vittma u li s-suspettat tal-qtil kien Andrew Mangion, it-talent li kellha l-vittma fl-arti u x’qal ir-raġel li kellha relazzjoni miegħu fiż-żmien tal-omiċidju. Filmat ieħor hu dwar il-protesta li kienet saret dwar il-vjolenza fuq in-nisa, li tinkludi l- vjolenza domestika. Protesta li hu evidenti li saret snin twal ilu, ftit wara l-qtil ta’ Eleanor.
Waqt il-protesta ssemmew ismijiet ta’ nisa li nqatlu, fosthom Eleanor. Però fl-ebda ħin ma jingħad li Andrew Mangion hu l-qattiel. Fil-ġuri, l-Imħallef ser ikollu l-opportunità li jispjega lill-ġurati li huma l-Imħallfin tal-fatti fuq il-provi li jitressqu quddiemhom u mhux fuq dak li setgħu qraw fil-gazzetti jew xi kumment fil-midja soċjali. L-istess x’aktarx ser jinfurmahom li Andrew Mangion għandu favur tiegħu l-preżunzjoni tal-innoċenza.”
Is-sentenza qalet li “l-qtil seħħ fis-sena 2016. Għaddew diġà tmien snin u l-ġuri għadu ma seħħx, u l-Qorti mhijiex infurmata li ġiet iffissata data meta ser jibda. Il-pubblikazzjonijiet li għamel referenza għalihom Andrew Mangion kollha kienu ta’ snin ilu. Mhemmx dubju li dak li ġie pubblikat tant snin ilu ikun tilef mill-valur tal-aħbar u min seta’ qara l-kontenut mhux ser jibqa’ jiftakar id-dettalji. Waqt il-ġuri ser jinstemgħu x-xhieda kollha, u l-ġurati ser jagħmlu l-apprezzament tal-fatti fuq il-provi li ser jitressqu quddiemhom. Rapporti f’gazzetti u mezzi tax-xandir li seta’ kien hemm matul is-snin, mhux ser ikunu prova kontra Andrew Mangion.
Ma jistax jingħad li kien hemm xi “virulent press campaign”
Il-Qorti Kostituzzjonali qalet li “ma jistax jingħad li f’dan il-każ kien hemm xi virulent press campaign kontra l-akkużat. Ir-rapportaġġ ta’ dak li qiegħed jiġri fil-Qorti, inkluż x’qalu xhieda, huma aħbarijiet. L-istess pereżempju hu r- rapportaġġ li Andrew Mangion ingħata l-ħelsien mill-arrest f’każ ieħor fejn hu akkużat b’serq aggravat. Fl-ebda parti tar-rapport ma jingħad li hu qatel lil martu jew hu ħati ta’ xi reat ieħor.
Il-Qorti Kostituzzjonali ma laqgħet it-talbiet tiegħu fejn tirrigwarda l-ilmenti tiegħu dwar ir-rapporti fil-midja u l-filmati mxandra.