Friday, November 29, 2024

Eku tas-soprataxxa fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma fis-sena 2005…

Diskriminatorja u bi ksur tal-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Battalja legali minn The Golden Shepherd Group, il-kumpanija li kienet tmexxi l-Isptar San Filippu f’Santa Venera, liema battalja kienet minħabba li din l-istess kumpanija ħassitha diskriminata minn avviż legali li kien ħabbar li se tiddaħħal fuq il-kontijiet tad-dawl fis-sena 2005.  Fil-fatt din il-kumpanija fi proċedura li kienet fetħet fil-Qorti iddikjarat li tħossha diskriminata u argumentat li dan l-avviż legali kien jikser il-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem.  

Hi argumentat li n-negozju tagħha mar għall-aghar u ġie ikkundizzjonat u affettwat negattivament tant illi sar telf kbir u dan direttament kawża tas-sistema tas-soprataxxa u tal-effetti diskriminatorji u applikazzjoni diskriminatorja tagħha. L-argument ta diskriminazzjoni kien għax  l-avviż legali kien jistipula li ċerti industriji kellhom il-benefiċċju li s-sopra taxxa tapplika biss sa ċertu ammont u jekk il-kont ikun jaqbeż dak l-ammont ebda soprataxxa ma tiġi kkalkolata fuq dak l-eċċess.

Fost l-industriji li bbenefikaw kien hemm ukoll lukandi u guest houses. Il-kumpanija ilmentat li hi  tilqa’ persuni li jiġu  Malta bħala turisti għal servizzi mediċi jiġifieri biex jirċievu trattament mediku iżda ma kellhiex il-benefiċċju li s-soprataxxa tapplika bissa sa ċertu ammont waqt li lukandi li kienu jżomm turisti barranin oħrajn li kienu jiġu Malta għal xi skop ieħor bħal per eżempju x-xemx u l-baħar kienu jibbenefikaw mill-capping. 

Il-Qorti tat raġun lil The Golden Shepherd Group u ddikjarat li “l-Avviż Legali Numru 132 tas-sena 2005 u Avviżi Legali sussegwenti li ħaddmu sistema ta’ soprataxxa u ta’ capping fuq l-istess soprataxxa fuq il-kontijiet tad-dawl kellhom effett diskriminatorju fil-konfront tal-Golden Shepherd Group li kienu  jmexxu l-Isptar San Filippu f’Santa Venera taħt l-artikolu 14 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.”

Il-kumpanija kienet qalet li “r-rata tas-soprataxxa kienet tvarja minn żmien għal żmien permezz ta’ numru ta’ Avviżi Legali fosthom 409/2005, 37/2006, 109/2006, 138/2006, 172/2006, 236/2006, 283/2006, 12/2007, 45/2007, 249/2007, 187/2008, 330/2008 u saħansitra għal xi żmien kienet laħqet il-perċentwali ta’ 95 fil-mija, jiġifieri l-kumpnaija bdiet tirċievi kontijiet li meta tiġi inkluża s-soprtaxxa ikunu prattikament id-doppju tal-kont tal-konsum propju.

Ir-regolamenti ta’ dak iż-żmien kienu jipprovdu ukoll għal sistema ta’ capping li biha certi industriji kellhom il-benefiċċju li s-soprataxxa tapplika biss sa ċertu ammont u jekk il-kont ikun jaqbeż dak l-ammont ebda soprataxxa ma tiġi ikkalkolata fuq dak l-eċċess.  Fost l-industriji  intitolati jibbenefikaw kien hemm ukoll u lukandi u guesthouses.

Fil-fatt negozji bħal lukandi kienu jibbenefikaw mis-sistema tal-capping billi din tiġi applikata mhux biss għall-konsum tal-lukanda propja iżda anke għall-konsum magħmul minn negozji ancillari gġaliha, inkluż per eżempju cinema affiljata mal-istess lukanda”.

Il-kumpanija qalet li “kien hemm ukoll każijiet fejn lukandi kienu joffru trattament mediku u dan is-servizz ukoll kien  jaqa’ taħt is-sistema tal-capping u fil-fatt f’dawn il-każijiet il-lukanda kienet tibbenefika mis-sistema tal-capping inkluż fuq dik il-parti tas-servizz tagħha li tkopri servizzi mediċi. Fil-każ tal-kumapnija is-sistema tas-soprataxxa kienet tigi applikata fuq il-kont kollu u ebda capping ma kien jiġi applikat.”

Tenniet li “l-Isptar St Philips kien iservi bosta turisti barranin li kienu jiġu Malta bħala turisti għal serviżżi mediċi u għalhekk 1-Isptar St Philips kien qiegħed jaqdi ukoll il-funzjonijiet ta’ lukanda jew funzjonijiet analogi u kien ukoll jipprovdi ikel, u hi kellha l-licenzji kollha meħtieġa biex topera dan in-negozju tagħha, iżda madanakollu ġiet trattata differenti minn negozji oħra.  Fil-fatt l-Isptar St Philips kien jipprovdi residenza lill-pazjenti kemm Maltin kif ukoll barranin u kien jiġi sottomess għall-istess skrutinju fejn jidħlu dawn is-servizzi bħal per eżempju spezzjonar tal-kċina u l-catering services, iżda madanakollu Golden Shepherd Group giet trattata differenti minn operaturi oħrajn.” 

Saħqet li “bis-sistema tas-soprataxxa Golden Shepherd Group bdiet tirċievi kontijiet esaġerati li f’temp ta’ madwar tliet snin laħqu l-mijiet tal-eluf u dan kellu impatt negattiv fuq in-negozju u l-kompetittività tas-servizz offrut mill-kumpanija tant li soffriet danni kbar”.

Iddikjaraw li “jrid jingħad li frott tad-diskriminazzjoni magħmula kontra l-Isptar St Philips spiċċa li kien qiegħed jissussidja l-lukandi ta’ Malta billi l-ħela ta’ ħaddieħor kien ipatti għalih  l-isptar bis-soprataxxa li kienet qed tiżdiedlu mal-kont.”

Il-kummpanija sostniet li hi rrifjutat li taċċetta li tħallas l-imsemmija kontijiet billi dawn kienu eċċessivi u billi kienu qed jintalbu abbazi ta’ liġijiet u regolamenti li kienu diskriminatorji fil- konfront tagħha u fil-fatt għad li hija effettwat xi ħlasijiet dan dejjem għamlitu bi protest u mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tagħha. Il-Korporazzjoni Enemalta saħansitra fetħet arbitraġġ kontra l-kumpanija fejn qed titlob hlas ta’ ammonti li jinkludu soprataxxa u l-kumpanija ikkontestat l-istess talba għal varji raġunijiet, waħda minnhom minħabba l-effett diskriminatorju tal-liġijiet u regolamenti dwar is-soprataxxa u l-implimentazzjoni tagħha. Il-kwistjoni tqajmet ukoll quddiem il- Kummissjoni għall-Kummerċ Ġust li permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Jannar tas-sena 2011 iddeċidiet li ma kienx fil-mansjoni tagħha li tagħti rimedju f’dan il-każ.

Il-Qorti taħtar perit biex jassisti….l-Istpar

b’kontijiet ta’ €64,000 żejdą

Il-Qorti qalet li “sabiex jassistiha f’din il-kawża, il-Qorti kif ħatret perit komputista li rrelata permezz ta’ rapport preżentat fil-5 ta’ Novembru tas-sena 2019. B’dan ir-rapport, il-perit fisser lill-Qorti dawn il-konklużjonijiet: li waqt il-perijodu rilevanti, l-ammont totali dovut mill-Isptar b’konsegwenza tas-soprataxxa kien jammonta għal €99,398. F’każ li matul il-perijodu rilevanti, l-isptar kien jibbenefika mill-capping, l-ammont dovut minnha kien ikun ta’ €72,043.  Dan kollu jfisser li fis-6 ta’ Ġunju tas-sena 2019, l-isptar kellu jħallas lil Enemalta plc s-somma ta’ €26,514 jekk tapplika s-soprataxxa kollha, filwaqt li kieku titqies applikabbli l-capping, l-isptar kien ikollu jirċievi lura s-somma ta’ €841.”

Il-Qorti qalet li “l-perit ikkonferma li dawn il-konklużjonijiet tiegħu kienu bbażati fuq l-assunzjoni li l-ammont ta’ €398,201 ma kienx għadu dovut mill-Isptar. F’każ li jirriżulta li dak l-ammont għadu dovut, ikun ifisser li fis-6 ta’ Ġunju tas-sena 2019, l-isptar kellu jħallas l-ammont kumplessiv ta’ €424,715 jekk tapplika s-soprataxxa kollha, jew l-ammont ta’ €397,360 jekk l-isptar  kellu tibbenefika mill-capping. Il-perit kkonferma li mingħajr soprataxxa ikun jirriżulta li l-Isptar ħallset is-somma ta’ €64,015 żejda b’rabta mal-utilitajiet tal-isptar ġestit minnha”. 

  1. Il-Qorti qalet li “l-artikolu 14 tal-Konvenzjoni Ewropea jgħid hekk:
    it-tgawdija tad-drittijiet u libertajiet kontemplati f’din il- Konvenzjoni għandha tiġi assigurata mingħajr diskriminazzjoni għal kull raġuni bħalma huma s-sess, razza, kulur, lingwa, reliġjon, opinjoni politika jew opinjoni oħra, oriġini nazzjonali jew soċjali, assoċjazzjoni ma’ minoranza nazzjonali, proprjetà, twelid jew status ieħor.” Qalet li “min jallega t-twettiq ta’ xi diskriminazzjoni fil-konfront tiegħu, ma jistax iressaq din l-allegazzjoni weħidha, iżda irid juri li l-aġir diskriminatorju ilmentat ikun sar b’rabta ma’ jew fl-ambitu ta’ wieħed mid-drittijiet fundamentali l-oħrajn, hekk imsejħa “sostantivi”. F’dan il-każ, l-isptar qed jilmenta li l-impożizzjoni tas-soprataxxa fil-konfront tagħha mingħajr il-benefiċċju tal-capping tikkostitwixxi diskriminazzjoni fil-konfront tad-dritt tagħha għat-tgawdija paċifika tal-possedimenti tagħha, billi l-miżura mpunjata kienet qed twassal biex hija tħallas aktar minn ħaddieħor li, skont hi, jinsab f’sitwazzjoni analoga għal tagħha.”

Saħqet li “l-Qorti tara li d-distinzjoni li jippruvaw jagħmlu l-intimati m’hija xejn persważiva. Fil-kuntest tal- impożizzjoni ta’ din is-soprataxxa fuq il-konsum tal-utilitajiet tal-elettriku u tal-ilma, il-Qorti ma jidhrilix li ġeneri differenti ta’ negozji kummerċjali jistgħu jitqiesu li m’humiex f’sitwazzjonijiet analogi. Kull wieħed minn dawn in-negozji għandu l-istess skop u destinazzjoni ġenerali, u ċjoè l-ġestjoni t’attività ekonomika sabiex jiġi ġenerat qligħ. Fil-kuntest ta’ dak l-iskop u destinazzjoni, l-użu tal-utilitajiet tal-elettriku u tal-ilma għandhom ugwalment piż fuq il-vijabilità tal-attività ekonomika eżerċitata, u l-effett ta’ soprataxxa fuq dawk l-utilitajiet jinħass daqstant ieħor ikun xi jkun il-ġeneru tan-negozju. Il-Qorti jidhrilha li d-distinzjoni li qed jagħmlu l-intimati  bejn sptar u lukanda hija distinzjoni superfiċjali li tibbaża ruħha fuq klassifikazzjoni ta’ negozju li però hija irrilevanti fil-kuntest ta’ din is-soprataxxa. Kemm jekk negozju huwa sptar privat u kemm jekk huwa lukanda, jibqa’ l-fatt li dawn huma attivitajiet li huma ġestiti minn individwi privati bl-iskop li jiġġeneraw profitt, u għalhekk fil-ġestjoni rispettiva tagħhom huma suxxettibbli għall-istess forzi ekonomiċi – fil-kuntest tal-każ odjern, għall-ispiża naxxenti mill-konsum tal-elettriku u tal-ilma. Dan tant hu minnu li kull intrapriża kummerċjali hija – dejjem fil-kuntest tat-tariffi mposti minn Enemalta u llum minn ARMS Limited – klassifikata fl-istess keffa, u ċjoè fil-kategorija “kummerċjali” minflok “residenzjali” jew “domestika”. Il-Qorti ma tarax għaliex dawk l-entitajiet li għalihom jgħoddu l-istess tariffi u b’hekk jitqiesu fl-istess kategorija għall-iskop tat- tariffa, għandhom iġarrbu distinzjonijiet meta d-diskors idur fuq is-soprataxxa.” 

Intqal li “l-Qorti tagħraf li fl-impożizzjoni ta’ taxxi, jew kif inhu l-każ odierni, soprataxxa, l-Istat għandu jingħata marġni wiesgħa ta’ apprezzament. Marġini li jista’ jissarraf fil-fakoltà li jintaxxa b’mod differenti intrapriżi kummerċjali differenti. Dan għax l-interess ġenerali jew pubbliku, konsistenti mill-protezzjoni tal-eżerċizzju tal-attivitajiet kummerċjali fl-interess ekonomiku u soċjali ġenerali tal-pajjiż, jistgħu jiġġustifikaw li ċertu intrapriżi jibbenefikaw minn protezzjoni li intrapriżi oħrajn ikollhom inqas ħtieġa għaliha. Però huwa fatt li l-mod kif dan il-marġini t’apprezzament jiġi eżerċitat mill-Istat huwa soġġett għall-istħarriġ tal-Qorti, li għandha tiċċensurah jekk issib li oġġettivament ma jikkostitwix ġustifikazzjoni raġjonevoli għat-trattament differenti taħt eżami. F’dan is-sens huwa paċifiku li l-oneru tal-prova tal-ġustifikazzjoni raġjonevoli hija fuq l-Istat.”

Iddikjarat li “l-Qorti ssib li l-intimati ma wrewx kif u għaliex fabbriki u lukandi kienu jinneċessitaw protezzjoni filwaqt li intrapriżi kummerċjali oħrajn ma kellhomx ħtieġa għal dik il-protezzjoni. Il-Qorti fehmet li l-fabbriki u lukandi li ingħataw il-capping ġew mogħtija dak il-benefiċċju b’konsegwenza tal-fatt sempliċi li huma joperaw f’settur partikolari, mingħajr ebda riferenza jew konsiderazzjoni għaċ-ċirkostanzi soġġettivi ta’ kull intrapriża. Hekk, per eżempju, jidher li kull lukanda kienet intitolata għal din il-protezzjoni bil-fatt sempliċi li hija liċenzjata bħala lukanda, mingħajr ebda eżaminazzjoni ta’ ċirkostanzi oħrajn rilevanti, bħal ma huma kemm għandha impjegati, x’inhu d-dħul tagħha fis-snin passati u fatturi oħrajn li, fil-fehma tal-Qorti, jistgħu jinċidu fuq id-determinazzjoni ta’ kemm dik l-intrapriża kellha titqies meritevoli ta’ protezzjoni. Fuq ix-xaqliba l-oħra, jidher paċifiku li intrapriżi li mhux lukandi jew fabbriki ġew esklużi mill-istess benefiċċju tal-capping mingħajr ebda konsiderazzjoni lejn iċ-ċirkostanzi ndividwali u soġġettivi tagħhom. Fi kliem ieħor, irrispettivament mill-qagħda finanzjarja, sana jew imwiegħra, ta’ kull intrapriża, u mill-kontribut effettiv li din qed tagħti jew setgħet kienet qed tagħti, lis-soċjetà jew lill-ekonomija ta’ Malta.” 

Il-Qorti tiddikjara li “premessi dawn il-konsiderazzjonijiet, il-Qorti tasal għall-konklużjoni li t-trattament differenti mogħti mill-Ministru intimat u minn Enemalta ma kienx wieħed oġġettivament ġustifikabbli, u għalhekk jikser l-artikolu 14 tal-Konvenzjoni Ewropea, kif abbinat mal-artikolu 1 tal-Ewwel Protokoll tal-istess Konvenzjoni. La l-Qorti qed issib ksur, huwa dmir tagħha li tagħti rimedju. U fil-fehma tagħha, ir- rimedju li jista’ jsaffi l-ksur soffert mir-rikorrenti għandu jkun wieħed li jġib fix-xejn it-trattament diskriminatorju mġarrab minnha. Dan ifisser li dak dovut mir-rikorrenti lil Enemalta matul il-perjodu rilevanti għandu jiġi kalkolat mill-ġdid bħallikieku”.

Il-Qorti laqgħet it-talba tal-kumpanija u ddikjarat li “l-ammont ta’ €27,355, kif ukoll kull imgħax akkumulat b’konsegwenza ta’ dan l-ammont, mhux dovut mill-Isptar San Filippu lill-Enemalta plc.”

Sport