Monday, November 11, 2024

El Diablo inkurunati Champions tad-Dinja fil-Grand Prix finali Voomquest Enemed V2 għall-2022

Aqra wkoll

Il-Lag ta’ Como, fit-Tramuntana tal-Italja, ipprovda sfond drammatiku għar-raba u l-aħħar Grand Prix tal-Kampjonati tad-Dinja Voomquest Enemed V2.

It-tlielaq li seħħew fuq medda jumejn ma kinitx nieqsa minn mumenti drammatiċi. Is-Sibt wara nofsinhar, it-tim Marine Diffusion ta’ Jesmond Aquilina u Christian Galea daru u nqalbu. Fortunatament ma ġarrbu ebda ġrieħi u d-dgħajsa għaddiet minn lejl twil ta’ xogħol mit-tim biex tkun lesta fil-ħin għall-provi ta’ filgħodu. Wara l-iskrutinju, id-dgħajsa tqieset tajba biex it-tellaq.

Bit-titlu tal-Kampjonat tad-Dinja fil-qrib, Clive Butler u Sammy Grim tat-tim El Diablo ħadu l-vantaġġ wara li telqu fit-tieni post mill-pole position. Huma ġew segwiti mid-dħul tal-wild card Team Chaudron tal-fundatur ta’ Voomquest Aaron Ciantar u Ryan Micallef, li minħabba diffikultajiet tekniċi tilfu l-pole position. Minkejja dan irnexxielhom iżommu t-tieni post, segwiti mit-tim Interceptor Remax, misjuq minn Michael Xuereb u Sam Howes.

Nhar il-Ħadd, bit-titlu tal-Kampjonat viċin tagħhom, El Diablo komplew is-sensiela tar-rebħ meta ħadu l-vantaġġ u spiċċaw fil-quċċata tal-klassifika. Warajhom kien hemm Team Chaudron, segwit minn Interceptor Remax, Marine Diffusion u Cutting Edge.

Il-klassifikazzjoni finali għall-Kampjonat tad-Dinja ta’ din is-sena rat it-timijiet Interceptor Remax u Cutting Edge jieħdu t-tieni u t-tielet post fuq il-podju.

It-tiġrijiet f’Como jġibu fi tmiemha ġirja ta’ suċċess għal organizzazzjoni Maltija Voomquest,  li reġgħet lura għat-tlielaq wara waqfa ta’ sentejn minħabba l-pandemija tal-Covid-19.

“Huwa sempliċiment kbir u soddisfaċenti li tkun tista’ terġa’ lura għat-tlielaq. L-entużjażmu u l-enerġija jkomplu jiżdiedu u hekk qed jiżdied l-interess lil hinn minn xtutna. Hekk kif issa kkonkludejna l-Grand Prix finali għall-2022, diġà qed naħdmu lejn il-Kampjonati tad-Dinja tas-sena d-dieħla li jwiegħdu li jkunu ugwalment eċċitanti u ta’ firxa wiesgħa” irrimarka Aaron Ciantar, fundatur ta’ Voomquest.

Voomquest jixtieq jirringrazzja lil Enemed, Chaudron Powerboats, Yachting Malta, Visit Malta, Virtu Ferries Ltd għall-appoġġ kontinwu tagħhom.

Sport