Il-festa ta’ San Lawrenz, qaddis Spanjol li tiġi ċċelebrata b’tant solennità f’waħda mill-bliet tal-Kottonera, il-Birgu, għandha ħafna partikularijiet uniċi li nsibuhom biss jew kważi f’din il-festa. Tant hu hekk li matul is-snin minbarra li dawn it-tradizzjonijiet irnexxielhom jeħilsuha mill-giljottina taż-żmien, uħud minnhom saħansitra ġew adottati f’postijiet oħra.
Jum l-10 ta’Awwissu
L-ewwel element hu li din il-festa minkejja li la hija ġurnata kmandata jew pubblika dejjem tiġi ċċelebrata fl-10 ta’ Awwissu u mhux kif isiru festi oħra li jiġu ċċelebrati fi tmiem il-ġimgħa. F’Malta hawn biss tliet festi li jiġu ċċelebrati hekk minbarra tal-Birgu, hemm tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt Valletta fis-16 ta’ Lulju u tas-Salvatur f’Ħal Lija fis-6 ta’ Awwissu.
Fil-fatt anki meta fil-passat kien hemm restrizzjonijiet fil-festi esterni li dawn riedu bilfors jiġu ċċelebrati fl-aħħar tal-ġimgħa , il-festi interni dejjem baqgħu jsiru fil-ġranet li jwasslu għall-qofol tal-10 ta’ Awwissu l-għid ta’ San Lawrenz.
L-Anteviġilja
Interessanti hu li l-ġurnata li tiġi jumejn qabel il-festa, fil-każ tagħna it-8 ta’ Awwissu fil-Birgu għadha tissejjaħ bit-terminu antik taljanizzat bħala l-anteviġilja. F’kelma oħra lejlet lejliet il-festa li f’imkejjen oħra isibuha bħala l-aħħar tat-tridu. Dakinhar tal-anteviġilja fil-Birgu jsir il-marċ tant popolari mad-dilettanti tal-festa fejn tieħu sehem il-Banda tal-lokal u f’dawn l-aħħar sentejn anki il-Banda La Vallette tal-Belt Valletta.
Ir-raguni li din tissejjaħ hekk hi waħda storika. Dan għaliex fl-imgħoddi l-festa ta’ San Lawrenz kienet festa kmandata u hekk lejlietu kien ikun vgili jigifieri kien isir is-sawm u din il-ġurnata kienet l-aħħar ġurnata ta’ qabel is-sawm.
Fl-aħħar ta’ dan il-marċ l-istatwa ta’ San Lawrenz jagħti d-dawl lil ghomja tittella fuq kolonna twila u artistika li tintrama fl-aħħar tat-Triq il-Mina l-Kbira. Anki l-mod kif din l-istatwa tittella’ fuq il-kolonna hija unika ghal Birgu għax fil-fatt bl-istess mod tittella’ l-istatwa l-oħra tal-marċ fil-festa l-oħra tal-Birgu, dik ta’ San Duminku.
Il-mod hu li jkun hemm arblu twil, oħxon u naturalment b’saħħtu li jissejjaħ boma li din tkun mas-sur goddli ta’ San Ġwann, u l-istatwa tittella’ permezz ta’ ħbula mgħoddija minn tarjoli. L-istess sistema kif kienet tintuza fil-maċina l-Isla biex itellgħu affarijiet tqal fil-qasam marittimu.
Prietka fuq l-Assedju
Tradizzjoni oħra li ssir il-Birgu proprju fit-8 ta’ Awwissu hija il-prietka dwar l-Assedju l-Kbir tas-sena 1565. Qabel din kienet issir filgħodu iżda minn numru ta’ snin bdiet issir filgħaxija bħala l-prietka tal-aħħar jum tan-novena.
Lejlet il-festa
Anki f’lejlet il-festa jiġifieri fid-9 ta’ Awwissu hemm ukoll tradizzjoni li sa issa giet replikata f’żewġ lokalitajiet f’Raħal Ġdid fil-festa ta’ Kristu Re mis-Soċjetà Mużikali Kristu Sultan u u f’Ħal Għaxaq.
Din hi li meta l-marċ imsejjaħ tat-te deum fil-bidu wara li jitla’ t-telgħa kif jasal il-pjazza wara d-daqq tal-innu ta’ Dun Anton Galea jinfetaħ speċi ta’ ballun tar-rugby u minnu fl-antik kienu joħorġu numru ta’ għasafar iżda fl-aħħar snin wara pressjoni minn dawk favur id-drittijiet tal-annimali qed joħorġu biss karti li fil-Kottonera jissejħu sunetti.
Wara li tiġi sparata bomba li tkun imwaħħla ma’ niċċa il-ballun jinfetaħ flieli flieli u minnu titfaċċa statwa żgħira ta’ Santa Paċenzja li skont it-tradizzjoni hi omm San Lawrenz.
Vara Titulari Unika
Imbagħad l-istatwa principali li turi l-figura tal-levita Lorenzo li hija l-unika vara titulari f’Malta li hija mlibbsa bi lbies ta’ veru fuq l-istess linja tal-vari tal-Ġimgħa l-Kbira ta’ oriġini Spanjola. Fil-fatt anki l-istess ilbies ta’ din l-istatwa għandu sinifikat, hekk is-salib pettorali kien ingħata mill-Arċisqof Mikiel Gonzi minħabba li kien mill-Birgu. Ukoll l-alba, li hija dik il-libsa twila bajda li tintlibes taħt id-dalmatika ħamra rrakmata bi ħjut tad-deheb kienet ingħatat mill-Inkwiżitur Guilio Carpegna.
Tradizzjoni Verament Unika
Tradizzjoni oħra antika u unika hi li fil-lejl tad-9 ta’ Awwissu kienu jsibu fdalijiet tal-faħam fil-gnien tas-sorijiet tal-klawsura ta’ Santa Skolastika fil-Birgu stess. Naturalment kienu jemmnu li dan il-faħam ifakkar fil-faħam li bih tkebbes in-nar taħt il-gradilja li bih xwew lil Levita Lorenzo li kien il-martirju aħrax tiegħu.
L-għada tal-Festa
Użanza oħra unika fil-Birgu hi li l-festa ma tingħalaqx bid-dħul tal-istatwa fil-knisja iżda l-għada tal-festa fil-11 ta’ Awwissu isir marċ żgħir u qasir fejn l-istatwa ta’ San Lawrenz jagħti d-dawl lill-għomja li kienet tkun fuq il-kolonna titnizzel bil-banda sal-Oratorju.
Din l-użanza qed tiġi kkupjata minn ċerti lokalitajiet li qegħdin jagħmlu marċ wara li l-partitarji jiġu mix-xalata, li fil-Birgu din ma ssirx proprju minħabba dan il-marċ u anki minħabba ix-xogħol marbut mal-kwantità kbira ta’ armar li hemm f’din il-festa.
Għeluq
Dawn huma elementi uniċi li wieħed isib f’din il-festa. Naturalment il-festa tal-Belt Vittoriosa bla dubju tista titqies bħala festa kompluta għaliex għandha kull ingredjent tal-festa Maltija b’saħħtu u ta’ livell. Jekk insemmu il-knisja antika u storika bl-armar tagħha, il-banda tal-lokal kif ukoll il-marċijiet bil-briju li jsiru, għalkemm m’hemmx kamra tan-nar l-aspett pirotekniku f’din il-festa ukoll hu mill-aqwa, xhieda ta’ dan hu l-ispettakli li jkun hemm fil-port il-kbir speċjalment f’lejlet il-festa fil-famuża ‘Notte di San Lorenzo’ mbagħad forsi dak li l-iktar li jispikka hu l-armar sabiħ u għani li jintlibes il-Birgu bih speċjalment l-armar tad-drapp.
Dan kollu jwasslu li kull dilettant tal-festa, emigrant u anke t-turisti li ma jistgħux ma jmorrux il-Belt Vittoriosa fl-ewwel ġimgħa ta’ Awwissu sabiex jammiraw u jgawdu din il-festa ad unur San Lawrenz li żgur tagħmel ġieħ lill-festa tradizzjonali Maltija.