Friday, December 20, 2024

Elevati filmati mid-DVRS li jistgħu jgħinu l-Pulizija jidentifikaw x’wassal għall-ħruq

B'xorti t-tajba ħadd ma ndarab

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Hekk kif issa l-ħidma ilha għaddejja għal kważi ħames sigħat, Talk.mt baqa’ jaġġornakom minn fuq il-post b’aktar dettalji.

Kelliem għall-Pulizija kkonferma magħna li fil-post issejħu l-esperti mit-taqsima forensika, periti u esperti oħra. Dwar il-każ infetħet ukoll inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech li ħatret numru ta’ esperti biex jassistuha fl-investigazzjoni.

Barra minn hekk il-Pulizija f’ħidma konġunta mal-pumpiera rnexxielha televa l-filmati mid-DVRS, li peress li ma ġarrbu l-ebda ħsarat, jistgħu anke jgħinu fl-investigazzjonijiet ta’ x’seta’ kkawża n-nirien.

Fil-post għaddejja ħidma ta’ diversi uffiċjali, hemm preżenti wkoll timijiet mediċini li jinsabu preparati f’każ ta’ xi imprevist li jista’ jinqala kif ukoll uffiċjali oħra li qegħdin jidderiġu t-traffiku.

Dan is-sit jista’ jikkonferma wkoll li fuq in-naħa ta’ ġewwa tal-imħażen għaddejja ħidma ta’ tkessieħ ukoll minħabba s-sħana kbira li ġiet iġġenerata mill-istess nirien. Dan minħabba li fuq ġewwa hemm ħażna ta’ fjuwil li tista’ tkun ta’ periklu f’din l-istess operazzjoni.

Minkejja dan l-istess kelliem għall-Pulizija qalilna li għalkemm il-ħidma mistennija tieħu aktar sigħat, is-sitwazzjoni hija waħda kkontrollata anke grazzi għall-kapaċitajiet ta’ dawk kollha involuti f’din il-ħidma kollaborattiva.

7:00 p.m: Mument ta’ paniku wara splużjoni… il-pumpiera jkomplu bl-operazzjoni tagħhom

Waqt il-ħidma li issa ilha għaddejja diversi sigħat, il-pumpiera kif ukoll dawk li kienu qegħdin josservaw il-ħidma tagħhom nħasdu minħabba splużjoni fil-post.

Waqt l-isplużjoni li jidher li ġiet min-naħa ta’ ġewwa, kien hemm xi pumpiera li kienu għaddejjin b’ħidma u għall-mument żvolġa mument ta’ paniku fost l-istess uffiċjali.

Intant jidher li għal din l-operazzjoni kellhom jissejħu għadd ta’ vetturi minħabba l-bżonn ta’ provvista ta’ eluf ta’ litri ta’ ilma bil-għan li jiġu kkontrollati n-nirien.

6:30 p.m: Pumpiera jitħabtu biex jikkontrollaw nirien kbar f’Santa Venera

Residenti li tkellmu magħna mill-post qalulna li qabel feġġew l-ewwel sinjali ta’ dħaħen instemgħet forma ta’ splużjoni li kienet segwita minn daħna sewda kbira.

Mal-ħin komplew jiżdiedu l-vetturi tat-tifi tan-nar fil-post hekk kif jidher li l-pumpera involuti se jkunu qegħdin jitħabtu biex jikkontrollaw in-nirien li laħqu nfirxu fiż-żona.

Fil-filmati li nxterdu fuq il-midja, inkluż dak fuq Talk.mt, jidher evidenti l-ammont ta’ ilma li s’issa nxtered fil-post f’tentattiv biex jiġu kkontrollati n-nirien.

B’xorti tajba jidher li ma hemmx persuni li ndarbu.

5:30 p.m: Tkompli l-ħidma biex jiġu kkontrollati nirien f’Santa Venera

Aktar kmieni għall-ħabta tal-4:30 p.m, ħaddiema mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ġew imsejħa sabiex jitfu nirien li tkebbsu f’fabbrika fi Triq il-Ħarrub f’Santa Venera.

Mal-wasla tagħhom il-pumpiera bdew b’evakwazzjoni tal-binja  kif ukoll ħidma sabiex jiġu kkontrollati n-nirien li laħqu bdew jinfirxu.

Mill-post ġew maħruġa wkoll numru ta’ vetturi tal-fabbrika sabiex jevitaw milli jkomplu jinħakmu min-nirien. 

Intant fi stqarrija maħruġa mill-Pulizija, ir-residenti kienu mħeġġa jżommu l-aperturi magħluqin minħabba l-kwantita ta’ dħaħen li hemm fiż-żona.

Aktar dettalji kif jaslulna…

Ekonomija

Sport