Tuesday, October 21, 2025

Elezzjoni storika fil-Ġappun bl-ewwel Prim Ministru mara 

Aqra wkoll

Sanae Takaichi, magħrufa bħala l-“Iron Lady” tal-Ġappun u ammiratriċi tal-eks Prim Ministru tar-Renju Unit Margaret Thatcher, hija l-ewwel mara li se tassumi l-kariga ta’ Prim Ministru wara r-rebħa storika tagħha fl-elezzjoni fil-Ġappun.

Dan kien it-tielet tentattiv tagħha biex issir il-mexxejja tal-pajjiż, u hija r-raba’ prim ministru f’ħames snin mill-partit tagħha li hu mifni minn skandli, l-LDP. Hija tappartjeni għall-fergħa iebsa tal-LDP u hija protetta tal-eks prim ministru Shinzo Abe, li kien assassinat.

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, kien iddeskrivieha bħala persuna rispettata ħafna u b’għerf kbir.

Issa li ġiet eletta, Takaichi għandha sfidi iebsa quddiemha li jinkludu r-riġenerazzjoni ta’ ekonomija li miexja bil-mod, ir-relazzjoni diffiċli bejn l-Istati Uniti u l-Ġappun u l-għaqda tal-partit tagħha fil-Gvern li hu maqsum u mifrud.

L-elezzjoni ta’ Takaichi saret proprju meta l-poplu Ġappuniż qed jissielet mal-għoli tal-ħajja – l-inflazzjoni tinsab f’livell għoli storiku u Takaichi wiegħdet li tgħin biex ittaffiha.

Hija se tiffaċċja wkoll l-isfida ta’ popolazzjoni li qed tiċkien, minbarra ekonomija li qed tmajna. Hija wiegħdet li terġa’ tagħti l-ħajja lit-tkabbir ekonomiku permezz ta’ tnaqqis fit-taxxi u żieda fl-infiq tal-gvern. L-investituri diġà huma mħassba dwar il-livelli tad-dejn tal-Ġppun li huma fost l-ogħla fid-dinja industrijalizzata.

Ftehim kummerċjali bejn Washington u Tokyo għadu mhux solvut, u Trump irid li l-Ġappun jieqaf jixtri żejt mir-Russja u jagħti spinta lill-infiq għad-difiża. Il-manifatturi tal-Ġppun u speċjalment il-produtturi tal-karozzi qed jistennew konferma ta’ dak il-ftehim biex jipprezzaw it-tariffi miftiehma fuq il-prodotti tagħhom.

Iżda l-investituri jidher ċar li qed iħossuhom ottimisti dwar il-wegħdiet tal-kampanja ta’ Takaichi, bir-rebħa tagħha żżid is-swieq tal-ishma tal-Ġappun għal livelli rekord.

Anae Takaichi se tieħu f’idejha t-tmexxija tal-Ġappun fiżmien kumpless għall-politika barranija.

Fil-qalba hemm ir-relazzjoni tal-Ġappun mal-Istati Uniti. Iż-żewġ pajjiżi ilhom alleati, iżda Takaichi ser ikollha timmaniġġja relazzjoni ma’ Trump li spiss ibiddel fehmtu, u li fil-passat deher li qiegħed jiddubita dwar l-impenn tiegħu lejn il-Ġappun.

F’April ta’ din is-sena, Trump kien ikkritika trattat ta’ sigurtà mal-Ġappun u sejjaħlu “one sided”, u qal: “Aħna nħallsu biljuni ta’ dollari biex niddefendu lilhom, iżda huma ma jħallsu xejn.” U għalkemm iż-żewġ pajjiżi issa waslu għal ftehim wara xhur ta’ negozjati – l-isfida ser tkun li tinżamm din il-kooperazzjoni mill-qrib.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport