Elliot Paul Busuttil ta’ 38 sena residenti Ħ’Attard inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti fejn ġie mixli bil-qtil ta’ Mario Farrugia u li ħeba l-katavru.
Farrugia ta’ 62 sena residenti Pembroke kien instab maqtul fil-bagoll tal-vettura tiegħu b’diversi daqqiet ta’ sikkina fil-parti ta’ quddiem ta’ sidru. Huwa nstab mejjet fil-5 ta’ April illi għadda fil-wied ta’ Ħal Qormi.
Farrugia kien irrapportat nieqes fit-28 ta’ Marzu, 2022, fl-akwati tar-residenza tiegħu u kien qiegħed jagħmel użu minn vettura Peugeot 407 ta’ lewn griż.
Sadanittant, Busuttil, li fil-Qorti qal li ma jaħdimx, kien mixli wkoll li kellu sikkina fil-pussess tiegħu mingħajr liċenzja, li naqas milli josserva l-kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti li bihom ingħata l-ħelsien mill-arrest u li sar reċediv.
Busuttil kien wieħed minn erba’ persuni li kienu arrestati l-Erbgħa filgħaxija, suspettati bl-involviment tagħhom fl-omiċidju ta’ Farrugia. Kienu ftit wara s-6.00 p.m. xħin il-Pulizija ċċirkondaw tliet postijiet differenti f’Ħ’Attard, fl-Imsida u fil-Mosta u sussegwentement ġew arrestati l-erba’ persuni.
Mill-postijiet fejn saru l-arresti, ġew elevati wkoll diversi affarijiet li komplew jgħinu lill-investigaturi fl-istħarriġ tagħhom b’rabta ma’ dan il-każ.
Quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, Busuttil wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu u baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati George Camilleri, Kaylie Bonnet u Maria Schembri mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali megħjuna mill-Ispetturi Kurt Zahra, Wayne Camilleri u Jean Paul Attard.
L-Avukati Edward Gatt u Ishmael Psaila dehru għal Busuttil. L-Avukati Keith Borg, Jacob Magri u Arthur Azzopardi dehru parte civile għall-familjari tal-vittma.