Mill-bidu tal-2025 l-aktar raġel sinjur fid-dinja, Elon Musk, tilef u għadu jitlef €1.2 miljun kull minuta. F’intervista li saritlu, dan il-kap eżekuttiv tal-kumpanija tal-karozzi “Tesla”, li huwa wkol il-konsulent “speċjali” tal-President tal-Istati Uniti Donald Trump, deher kważi se jinfaqa’ jibki huwa u jitkellem dwar id-diżastru finanzjarju li ħakmu f’din is-sena l-ġdida.
Fil-fatt, huwa rrapportat li f’ġurnata waħda l-kumpanija Tesla telfitu €16.61 biljun. L-indiċi tal-biljunarji “Bloomberg” ħabbar li mill-bidu ta’ din is-sena Musk tilef mal-€121 biljun.
Fi żvilupp il-President Trump wera l-appoġġ tiegħu lil Musk billi lbieraħ ħareġ mill-White House u rikeb karozza “Tesla”. Dan minħabba li t-telf soffert mill-impreditur Elon Musk li għandu wkoll il-kumpanija “Space X”, telf li jingħad li qiegħed iseħħ minħabba bojkott mill-Amerikani għar-rwol li għandu fl-amministrazzjoni ta’ Trump. Elon Musk wara li kien spalla ma’ spalla ma’ Trump fl-elezzjoni Presidenzjali ta’ Novembru li għadda ingħata rwol fl-amministrazzjoni ta’ Trump biex jaqta’ l-ispejjeż żejda fl-Istati Uniti. Miżuri meħuda taħt il-konsulenza tiegħu fil-fatt laqtu fil-laħam il-ħaj lil għadd ta’ ħaddiema b’mod speċjali lil impjegati f’uffiċini governattivi Amerikani.
Trump min-naħa tiegħu sostna li Musk “qiegħed jagħmel xogħol mill-aqwa” u wiegħed li huwa stess se jixtri karozza “Tesla” biex tintuża mill-impjegati tiegħu.