Il-Kumitat Organizzattiv Djoċesan għaż-żjara tal-Papa qed jippubblika impressjoni artistika tat-tribuna li se tinbena fuq il-Fosos u li minnha l-Papa Franġisku se jiċċelebra l-quddiesa tal-Ħadd, 3 ta’ April 2022, fl-10:15am. Din ġiet iddisinjata mid-direttur artistiku Carlo Schembri bil-kollaborazzjoni tal-Perit Joe Bondin li qed jieħu ħsieb l-istruttura tagħha u s-Sur Anton Attard li qed jieħu ħsieb il-loġistika. Id-disinn tat-tribuna hu ispirat mill-forma tal-kurċifiss, biċ-ċirku u r-raġġi ħerġin minnu jirrappreżentaw l-Ewkaristija.
It-tribuna hija wiesgħa 16-il metru u fonda 14-il metru. Fuq it-tribuna se jkun hemm mas-600 saċerdot li dakinhar se jikkonċelebraw mal-Papa. Peress li ż-żjara tal-Papa se ssir fi żmien ir-Randan, il-kulur l-aktar prominenti se jkun il-vjola, il-kulur liturġiku li jintuża matul l-40 jum tar-Randan.
Flok fjuri, it-tribuna se tkun imdawra bi flora li nsibu f’Malta u li tissemma wkoll fil-Bibbja. Fin-nofs tat-tribuna se jkun hemm kurċifiss, xogħol lokali x’aktarx ta’ tmiem is-seklu 19, magħruf tradizzjonament bħala ‘Kristu tal-Ġogi’ u li jinsab fil-kappella tal-Kurja tal-Arċisqof fil-Furjana u jappartjeni lill-Knisja ta’ San Nikola (Tal-Erwieħ) tal-Belt Valletta. Kurċifissi bħal dan kienu jintużaw waqt il-priedka tradizzjonali tat-tliet sigħat nhar il-Ġimgħa il-Kbira, għax kienu jippermettu li l-idejn ta’ Kristu jinħallu minn mas-salib u l-korp jitniżżel qisu għad-difna biex jitqiegħed għall-qima tal-fidili.
Għall-quddiesa tal-Papa se jintużaw artal, ambone u sedja tal-injam li kienu saru fis-snin tmenin mill-iskultur Malti Ġanni Bonnici, oriġinarjament għall-knisja tal-Mosta. Fil-ġenb tal-artal se jkun hemm ukoll l-ikona tal-Madonna ta’ Damasku tas-seklu 12, magħrufa bħala ‘Ta’ Damaxxena’, li bħalissa tinsab fil-Knisja tal-Griegi Kattoliċi fil-Belt Valletta. L-ikona kienet meqjuma f’Damasku, is-Sirja, minn fejn ħadet isimha u kienet waslet Malta fl-1530 minn sidtha Joanna Calamia, Griega distinta minn Rodi.
Il-Gran Mastru Jean Parisot de Valette kien devot ta’ din l-ikona. Meta l-Kavallieri ta’ San Ġwann u l-Maltin għelbu lill-Ottomani waqt l-Assedju l-Kbir tal-1565, il-Gran Mastru de Valette ta l-kappell u x-xabla tiegħu bħala offerta vottiva lill-Madonna ta’ Damasku.
Għall-quddiesa se jkun hemm żona riservata għall-persuni b’siġġu tar-roti u żona għall-persuni neqsin mis-smigħ u li għandhom bżonn interpretu tal-Lingwa tas-Sinjali Maltija. Fl-ewwel jumejn meta fetħet ir-reġistrazzjoni għall-post bilqiegħda fuq il-Fosos applikaw eluf ta’ nies. Kull min irreġistra se jirċievi biljett b’email li għandu jiġi ppreżentat dakinhar. Il-Knisja qed tappella lin-nies sabiex jaħsbu kmieni u jużaw it-trasport pubbliku.
Kull min għandu bżonn aktar tagħrif dwar il-quddiesa mill-Papa Franġisku jista’ jibgħat email fuq [email protected].