Eluf ta’ dimostranti nġabbru f’sinjal ta’ appoġġ lejn il-Viċi President tal-Arġentina Cristina Fernandez de Kirchner li qiegħda tiġi mixlija b’korruzzjoni.
Id-dimostranti nġabru quddiem id-dar tagħha ġewwa l-kapitali Buenos Aires, u dawn neħħew għadd ta’ barrikati u anke spiċċaw fi ġlied mal-pulizija. Rapporti fil-midja tal-lokal qalu li minn tal-inqas kien hemm ħames pulizija li sofrew ġrieħi filwaqt li erba’ dimostranti ġew arrestati.
Il-Prosekuturi jridu li Cristina – li hija eks President – tingħata sentenza ta’ 12-il sena ħabs u projbizzjoni minn karigi amministrattivi u dan hekk kif hija qiegħda tiġi mixlija li ffrodat lill-istat u li użat ħażin fondi pubbliċi fiż-żmien meta kienet President; dan bejn l-2007 u l-2015.
Dawn l-akkużi wasslu biex eluf ta’ attivisti ta’ Cristina Fernandez, li għandha 69 sena, jinżlu fit-toroq biex juru l-appoġġ tagħhom lejha. Huma qegħdin jgħidu li dawn l-allegazzjonijiet huma infondati u motivati politikament.
Matul dawn il-protesti kien hemm rapporti ta’ vjolenza hekk kif id-dimostranti bdew ineħħu bil-forza għadd ta’ barrikati li l-pulizija poġġew madwar id-dar ta’ Cristina.
Fil-preżent Kirchner qiegħda tiffaċċja proċess quddiem il-qorti kriminali b’rabta ma’ numru ta’ allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni fi żmien li għamlet tmexxi l-pajjiż. Dan il-proċess quddiem il-qorti mistenni li jieħu numru ta’ xhur.