Mill-inqas 16-il persuna mietu wara li t-Tifun Goni laqat lill-Filippini matul tmiem il-ġimgħa, b’madwar 13,000 residenza jġarrbu ħsarat jew jiġġarrfu.
It-Tifun Goni ħakem lill-provinċja ta’ Catanduanes mas-sebħ ilbieraħ, bir-riħ jilħaq saħħa ta’ 174 mil fis-siegħa.
Intant l-awtoritajiet Filippini qalu li mill-inqas 16-il persuna mietu fil-provinċji ta’ Catanduanes u Albay, bi tliet persuni għadhom rapportati neqsin.
Catanduanes tinsab mingħajr provvista ta’ elettriku u mingħajr mezzi ta’ komunikazzjoni kaġun tal-ħsarat ikkaġunati minn Goni.
Il-Gvernatur tal-provinċja, Joseph Cua, qal li mill-inqas ħames persuni mietu mgħarrqa.