Sa tmiem din il-ġimgħa, kważi 62,000 familja qed jirċievu l-pagamenti dovuti taċ-Children’s Allowance u l-Allowance Supplimentari, fost oħrajn. B’kollox dawn se jirċievu aktar minn €24 miljun li huma dovuti għall-aħħar kwart tas-sena.
Kważi 42,000 familja bit-tfal se jirċievu bejniethom ftit anqas minn €20 miljun, li minnhom kważi €18.4 miljun se jmorru f’Children’s Allowance. Il-kumplament se jmorru għand familji bi tfal b’diżabilità, u dawk li jiffosterjaw.
L-investiment fuq iċ-Children’s Allowance żdied sostanzjalment fl-aħħar tliet snin li matulhom kull wild ra żieda ta’ €590 fis-sena. B’kollox din is-sena, dan l-investiment se jkun qed jilħaq it-€80 miljun.
Sadattant, kważi 20,000 familja oħra, inkluż persuni singoli u koppji, qed jirċievu bejniethom €4.4 miljun f’pagamenti tal-Allowance Supplimentari, li titħallas lill-familji bi dħul baxx. Il-biċċa kbira minnhom huma persuni singoli. L-investiment għal din is-sena fuq din l-Allowance se jkun qrib it-€18-il-miljun.
Fl-aħħar 12-il sena, minkejja li għolew sostanzjalment it-thresholds tal-Allowance Supplimentari, in-numru ta’ dawn il-benefiċjarji naqas sostanzjalment minn madwar 27,000 għal anqas minn 20,000. Dan seħħ minħabba li żdied sostanzjalment id-dħul ta’ dawn il-persuni jew familji u ma baqgħux bżonn din l-għajnuna.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon saħaq li l-familja tibqa’ ċentrali fil-politika soċjali tal-Gvern. Huwa fakkar li dawn il-pagamenti issa ilhom snin jiġu antiċipati bi tliet ġimgħat sabiex ikunu ta’ sostenn għall-familji meta jkollhom bżonnhom iżjed, bħal eżempju lejlet il-bidu ta’ sena skolastika ġdida.
Il-Ministru Falzon saħaq li l-investiment soċjali fuq dawn il-benefiċċji biss imsemmija se jkun laħaq il-€100 miljun din is-sena, u dan jixhed l-impenn tal-Gvern favur il-familji u dawk bi dħul baxx.