Thursday, December 26, 2024

“Eluf ta’ impjiegi salvati b’ħafna sagrifiċċji”

Aqra wkoll

Jgħid dan is-Segretarju tat-Taqsima Marittima u Avjazzjoni GWU, Sandro Vella

Minn MELVIN FARRUGIA

Filwaqt li l-pandemija laqtet lil kulħadd bħal sajjetta fil-bnazzi, u kien hemm bosta ħaddiema fis-setturi tal-marittima u l-avjazzjoni madwar id-dinja li tilfu l-impjieg tagħhom, it-Taqsima Marittima u Avjazzjoni tal-General Workers’ Union irnexxielha ssalva eluf ta’ impjiegi f’pajjiżna. 

Hekk sostna s-Segretarju tat-Taqsima, Sandro Vella, li spjega ma’ IT-TORĊA kif minħabba ċ-ċirkostanzi kif din il-pandemija laqtet lid-dinja, kien hemm diversi ħaddiema f’dawn is-setturi li tilfu l-impjieg tagħhom. Semma fost l-oħrajn ħaddiema li nzertaw kienu fil-perjodu tal-probation, jew inkella li kien għadhom kemm telqu minn kumpanija u marru ma’ oħra biex ikomplu jikbru fil-karriera tagħhom. Qal li kien hemm bosta minn dawn il-persuni li nqabdu f’sitwazzjonijiet simili, peress li f’dawn is-setturi kien għaddej ħafna moviment u sfortunatament dawn la setgħu jiġu mgħejjuna mill-kumpaniji u lanqas ma setgħu jieħdu l-għajnuna mill-Gvern. 

Minkejja kollox, Sandro Vella qal li t-Taqsima Marittima u Avjazzjoni tal-GWU rnexxielha ssalva lill-kumplament tal-ħaddiema, li f’ċirkostanzi oħra lil hinn mill-pandemija, kieku kien jitilfu xogħolhom. 

Is-settur tat-trasport fuq l-art

Beda billi semma lill-ħaddiema fis-settur tat-trasport fuq l-art u qal li l-Gvern għen ħafna lill-kumpaniji biex dawn iżommu lill-ħaddiema. Min-naħa l-oħra, saħaq li kienet il-GWU li għamlet l-arranġamenti kollha biex għalkemm tonqos il-paga tal-ħaddiema, ħadd minnhom ma jitkeċċa. Sostna li dan kollu kien possibbli permezz tal-għaqda bejn il-ħaddiema, li għamlu s-sagrifiċċji u se jkomplu jagħmluhom biex ħadd minn sħabhom ma jitlef l-impjieg. 

Vella qal li s-sitwazzjoni fit-tliet xhur li ġejjin mhix se tinbidel u għalhekk se jiżdiedu l-piżijiet fuq min iħaddem u anke fuq il-ħaddiem. Spjega kif filwaqt li qabel, meta kollox kien magħluq, kienu qegħdin jiġu ffrankati l-ispejjeż tal-operat tan-negozju, issa li reġgħu fetħu n-negozji u l-ħaddiema qegħdin imorru għax-xogħol, l-ispejjeż reġgħu żdiedu iżda l-volum tax-xogħol mhux qed ikun biżżejjed biex jagħmel tajjeb għalihom. 

Qal li din hi wkoll is-sitwazzjoni li jinsabu fiha l-ħaddiema tat-trasport pubbliku, tal-koperattivi tal-vannijiet, tat-taxis, tad-double deckers u anke oħrajn bħal tal-kiri tal-karozzi li kollha jiddependu fuq volumi kbar ta’ turisti u li bħalissa jinsabu kollha weqfin. 

Is-settur marittimu

Rigward is-settur marittimu, is-Segretarju tat-Taqsima qal li kien hemm problemi kbar għall-ekwipaġġi biex meta jispiċċaw is-60 jew 90 ġurnata fuq il-baħar imorru lura lejn id-dar. Qal li dan ġara peress li kien hemm l-ajruporti u l-portijiet magħluqin u għalhekk il-ħaddiema ma setgħux jirritornaw id-dar. Semma wkoll li kien hemm volumi inqas ta’ merkanzija x’tinġarr u għalhekk ġie anke affettwat ix-xogħol fil-portijiet. 

Fil-każ ta’ dan is-settur, Sandro Vella semma kif mhux biss ittieħdu miżuri biex jiġi evitat li tkompli tinfirex l-imxija tal-COVID-19 waqt l-operat, iżda anke nbidlu l-prattiċi tax-xogħol biex ġew salvati eluf ta’ ewro f’pagi u b’hekk ma kienx hemm tkeċċijiet. 

Sfidi kbar fis-settur tal-avjazzjoni

Fejn imbagħad għandu x’jaqsam is-settur tal-avjazzjoni, Vella qal li madwar id-dinja kien hemm eluf ta’ tkeċċijiet ta’ ħaddiema ma’ linji tal-ajru u airport handlers. Semma kif proprju falliet waħda mill-akbar kumpaniji – Swiss Port u aktar minn 12,000 ħaddiem spiċċaw bla xogħol. Barra hekk, semma kif linji tal-ajru tal-bandiera bħall-British Airways u l-Lufthansa kellhom ikeċċu eluf ta’ ħaddiema. 

Rigward is-sitwazzjoni f’Malta, Sandro Vella qal li l-GWU rnexxielha tidħol fi ftehim mal-Air Malta, mal-Air Malta Aviation Services, mal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, mal-SR Technics u ma’ oħrajn, fejn ‘il fuq minn elf ħaddiem qegħdin iġorru biċċa mill-piż biex jissalvagwardjaw l-impjieg ta’ sħabhom, li minħabba nuqqas ta’ moviment fl-ajruport m’hemmx xogħol għalihom. Vella spjega li filwaqt li l-ħaddiema diġà raw tnaqqis sostanzjali fil-pagi tagħhom, sa 50% u aktar; issa li ġej is-sajf, it-tbatija se tkun akbar għax hu perjodu li fih issoltu jaqilgħu aktar flus. 

Sitwazzjoni aktar diffiċli fil-MaltaAir

Rigward il-MaltaAir, is-Segretarju tat-Taqsima qal li f’dan il-każ is-sitwazzjoni kienet ferm aktar diffiċli. Sandro Vella qal li din il-kumpanija li ġiet imwaqqfa fl-1 ta’ Novembru 2019 tħaddem madwar 100 cabin crew u 40 pilota. 

Sostna li llum il-GWU tgawdi r-rikonoxximent mill-maġġoranza tal-impjegati li huma membri tal-unjin, għalkemm sostna li t-talba għal rikonoxximent sal-lum għadha ma ngħatatx għax il-MaltaAir u d-diriġenti ta’ RyanAir dejjem jagħmluha bi tqila li jkun hemm preżenza ta’ unjin li tirrappreżenta lill-ħaddiem. 

Vella qal li f’dan il-ħin it-taqsima qiegħda tiġġieled biex issalva 40 ħaddiem li rċevew it-terminazzjoni tal-impjieg tagħhom fid-29 ta’ Mejju u allura l-impjieg tagħhom jispiċċa fit-30 ta’ Ġunju. Spjega kif minkejja li din hi ġlieda kontra l-kurrent, il-GWU se tkompli taħdem biex kif sar f’postijiet tax-xogħol oħra, hekk ukoll terġa’ tagħmel suċċess li ssalva anke dawn l-impjiegi. 

Is-Segretarju tat-Taqsima qal li l-pass li jmiss jiddependi minn kemm l-industrija tat-turiżmu u tat-trasport tirkupra malajr. F’dan l-istadju, qal li l-GWU se tkompli tagħmel kull sforz biex dawk li nqabdu bla xogħol fil-perjodu tal-COVID-19 jerġgħu jiġu integrati fid-dinja tax-xogħol u fis-sezzjoni tat-trasport. Finalment, Sandro Vella qal li din it-taqsima hi grata lejn il-ħaddiema għas-sagrifiċċji li għamlu u li kieku ma kinux għalihom ħafna impjiegi kienu jintilfu. 

Ekonomija

Sport