Saturday, December 21, 2024

Eluf ta’ nisa fl-Indja jipprotestaw minħabba qtil ta’ tabiba

Aqra wkoll

Eluf kbar ta’ nisa matul il-lejl ħarġu jipprotestaw f’West Bengal fl-Indja biex juru r-rabja tagħhom għal abbuż sesswali u qtil ta’ tabiba li seħħ fi sptar f’Kolkata l-ġimgħa li għaddiet.

Il-każ qajjem rabja kbira fost il-komunità Indjana. It-tabiba ta’ 31 sena kienet għadha kemm lestiet ix-shift tagħha ta’ 36 siegħa u daħlet tistrieħ f’kamra bla ebda sigurtà.

Ħin wara l-kollegi tagħha sabiha nofsha għerwiena mejta f’nofs il-kamra li fuq ġisimha kellha diversi ġrieħi. Il-Pulizija mill-ewwel bdew bl-investigazzjonijiet tagħhom u arrestaw wieħed voluntier li jmur jgħin lil xi pazjenti fl-istess sptar.

Iżda għan-nisa dan ma kienx biżżejjed hekk kif mill-ewwel bdew jagħmlu pressjoni fuq il-Gvern biex iżid is-sigurtà fuq in-nisa l-aktar dawk li jaħdmu fl-isptarijiet. Fil-fatt bdiet kampanja fuq il-midja soċjali biex issir protesta kbira, u fil-fatt għal din l-istess protesta attendew eluf kbar ta’ nisa.

Waqt l-istess protesta li kienet waħda paċifika ħafna grupp ta’ rġiel armati daħlu fl-emerġenza tal-isptar fejn seħħ il-qtil u bdew ikissru kulma sabu quddiemhom.

Kien hawn li qamet ftit tensjoni fost id-dimostranti tant li imbgħad il-Pulizija Indjana kellhom jisparaw il-gass tad-dmugħ.

Ekonomija

Sport