Nirien qawwija li ħakmu l-gżira ta’ Kreta fil-Greċja s’issa jinsabu bla kontroll u kawża ta’ dan eluf kbar ta’ persuni kellhom jiġu evekwati għar-raġunijiet ta’ sigurtà.
Kien nhar l-Erbgħa waranofsinha meta foresta fi Kreta nħakmet minn nirien kbar u l-istess nirien komplew jinfirxu. Uffiċjali tal-Ħaddiema tat-Tifi tan-Nar qalu li l-impjegati tagħhom qegħdin jiġġiledu kontra nar li hu mifrux fuq aktar minn sitt kilomtetri u hu diffiċli mmens biex jiġi kkontrollat fi ftit ħin.
Matul il-lejl ta’ bejn l-Erbgħa u l-Ħamis diversi aġenziji tal-ivvjaġġaw li kellhom it-turisti fuq il-gżira ġew ordnati biex jibdew evekwazzjoni. Mijiet kbar ta’ kowċis u karozzi privati bdew imorru quddiem il-lukandi li hemm fi Kreta biex jinħarġu t-turisti u jittieħdu f’postijiet aktar siguri.
It-toroq prinċipali ta’ Kreta ġew magħluqin mill-pulizija u għalhekk is-sitwazzjoni marret għall-agħar hekk kif it-turisti li qegħdin jiġu evekwati jridu jgħaddu minn rotot oħrajn. L-awtortitajiet ħarġu avviżi wkoll lir-residenti ta’ Kreta biex kemm jista’ jkun ħadd ma joħroġ mid-dar u jgħalqu t-twieqi u l-bibien kollha minħabba d-duħħan li hemm fl-arja.
Intant l-isptarijiet jidhru li jinsabu taħt alert hekk kif mijiet ta’ persuni diġà bdew jiddaħħlu għall-kura l-aktar minħabba qtugħ ta’ nifs. Fost dawk hemm anzjani li qegħdin isibu diffikultà biex jieħdu n-nifs u għalhekk kellhom jiddaħlu l-isptar.