Ittellgħet b’suċċess l-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ Festa Ikel Malti, li ġiet organizzata mill-Malta Food Agency, u saret nhar il-Ħadd 12 ta’ Ottubru fil-Pitkalija, Ta’ Qali. Din il-festa, li saret ftit jiem qabel il-Jum Dinji tal-Ikel li jiġi ċċelebrat madwar id-dinja fis-16 ta’ Ottubru, kienet iddedikata biex tħaddan is-sostenibbiltà, il-prodott lokali u l-identità Maltija permezz tal-ikel.

Matul il-ġurnata l-familji li attendew gawdew esperjenza unika li għaqdet flimkien il-gastronomija, il-mużika, il-wirt u l-kreattività lokali. Kien hemm bejgħ u wirjiet ta’ prodotti agrikoli, attivitajiet edukattivi u interattivi għat-tfal, kif ukoll dimostrazzjonijiet li tennew l-importanza tal-ikel frisk u tas-sostenibbiltà fil-katina tal-ikel.

Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo esprima l-apprezzament tiegħu lejn il-Malta Food Agency u kif ukoll għall-parteċipazzjoni numeruża tal-pubbliku, u sostna li dan l-avveniment wera l-għaqda bejn il-komunità u dawk kollha li jaħdmu biex il-prodott Malti jasal fuq il-mejda tagħna.

“Din il-festa tkompli tfakkarna kemm l-ikel huwa element ewlieni tal-identità tagħna bħala Maltin u Għawdxin. Permezz ta’ dawn l-inizjattivi qed infakkru t-tradizzjonijiet tagħna u fl-istess waqt nippromwovu l-valuri tas-sostenibbiltà u l-apprezzament lejn il-bdiewa, raħħala u s-sajjieda tagħna li b’dedikazzjoni kbira jipprovdu ikel frisk u ta’ kwalità,” qal il-Ministru Refalo.
Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said spjegat kif “Festa Ikel Malti tfakkar il-wirt kulinari ta’ pajjiżna fejn inkomplu nippromwovu prodotti lokali u ta’ kwalità grazzi għar-raħħala, bdiewa, sajjieda u produtturi Maltin u Għawdxin li jaħdmu b’passjoni u dedikazzjoni biex jipprovdu prodott frisk.” Hija rringrazzjat lill-Malta Food Agency talli organizzat dan l-avveniment b’suċċess.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Food Agency, Brian Vella, esprima l-gratitudni tiegħu lejn l-eluf li attendew għall-Festa Ikel Malti u lejn aktar minn 40 produttur li wrew il-kwalità u l-versatilità tal-prodotti Maltin. Huwa tenna li “Din il-festa ma kinitx biss ċelebrazzjoni tal-prodotti tagħna, imma wkoll ta’ dawk li jagħmluhom possibbli; il-bdiewa, is-sajjieda, ir-raħħala u l-produtturi li bix-xogħol u d-dedikazzjoni tagħhom jagħtu s-saħħa lis-settur tal-ikel Malti. Din kienet okkażjoni biex nagħtu ġieħ lill-irġiel u n-nisa li jrabbu, jaħsdu u joħolqu prodotti awtentiċi li jirrappreżentaw l-aqwa ta’ Malta.”
Il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali flimkien mal-Malta Food Agency rringrazzjaw lill-pubbliku għall-attendenza numeruża tagħhom u saħqu li din il-festa tkompli tikkonferma kemm l-ikel u l-kultura huma pilastri ewlenin tal-komunità Maltija.