Eluf ta’ suldati ġew skjerati fit-toroq f’diversi nħawi tal-Messiku biex tissaħħaħ is-sigurtà tal-pajjiż u titwaqqaf il-vjolenza li faqqgħet wara l-mewt tal-baruni tad-droga “El Mencho” li kien l-iktar persuna mfittxija fil-pajjiż. Xejn inqas minn 2,500 suldat addizzjonali ntbagħtu fil-punent tal-Messiku nhar it-Tnejn, bil-gvern jgħid li madwar 9,500 suldat ġew skjerati b’kollox minn nhar il-Ħadd.
L-inkwiet inqala’ f’mill-inqas 20 stat minn meta Nemesio Oseguera Cervantes – magħruf aħjar bħala “El Mencho” – miet waqt li kien miżmum mill-awtoritajiet il-Ħadd ftit wara li nqabad mill-forzi speċjali Messikani fl-istat ta’ Jalisco.
Hekk kif l-aħbar tal-mewt ta’ El Mencho nfirxet, membri tal-kartell tiegħu nedew attakki f’ħafna bliet u rħula fejn is-CJGN huwa attiv. Il-kartel Jalisco New Generation (CJNG) hija waħda mill-aktar organizzazzjonijiet kriminali qawwija fil-Messiku u l-mexxej tagħha, El Mencho, kien l-aktar raġel imfittex fil-pajjiż.
El Mencho nqabad wara li l-forzi tas-sigurtà sabu lis-sieħba tiegħu li kien qed jiltaqa’ magħha. Il-baruni tad-droga ndarab serjament fi sparatura bejn il-gwardji personali tiegħu u l-commandos militari li kienu skjerati biex jaqbduh. Huwa miet waqt li l-militar kien qed jittrasportah mill-belt ta’ Tapalpa għall-kapitali, il-Belt tal-Messiku.
Is-Segretarju tas-Sigurtà Omar Garcia Harfuch kkonferma li gwardjan tal-ħabs, membru tal-uffiċċju tal-prosekutur tal-istat, u 30 membru tal-organizzazzjoni kriminali ta’ El Mencho nqatlu fl-inkwiet li nfirex.
Intant, il-President tal-Messiku Claudia Sheinbaum faħħret l-operazzjoni tal-armata li wasslet għall-mewt ta’ El Mencho u qalet li l-prijorità tagħha hija li tiggarantixxi l-paċi u s-sigurtà madwar il-pajjiż kollu.
Il-Ministeru tad-Difiża Messikan qal li r-rejd immirat lejn il-qbid ta’ El Mencho twettaq mill-Armata Messikana, appoġġjata mill-Gwardja Nazzjonali tal-pajjiż u l-Forza tal-Ajru.
Żied jgħid li “informazzjoni kumplimentari” pprovduta mill-Istati Uniti għenet biex jinqabad il-baruni tad-droga, iżda l-Messiku kkonferma nhar it-Tnejn li l-ebda forza Amerikana ma kienet involuta fil-qbid u l-qtil tiegħu.
Id-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti kien fil-fatt offra premju ta’ $15-il miljun għal informazzjoni li twassal għall-qbid ta’ El Mencho.

