Is-sajf jibqa’ l-aktar perjodu impenjattiv għas-servizz tal-emerġenza 112 b’żieda kemm fin-numru ta’ telefonati kif ukoll fit-tip ta’ każijiet li jeħtieġu intervent immedjat. Ċifri uffiċjali li jkopru l-perjodu bejn Ġunju u Diċembru 2025 juru xejra konsistenti li tpoġġi pressjoni sostanzjali fuq is-servizzi essenzjali, b’mod partikolari fuq id-Dipartiment tal-Emerġenza.
Informazzjoni mogħtija mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camiller wara mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo, turi li x-xhur tas-sajf jiddominaw b’mod ċar fil-volum ta’ sejħiet. Lulju rreġistra l-ogħla ammont assolut b’40,299 telefonata, segwit minn Awwissu b’38,842 u Ġunju b’35,991.
Meta mqabbel ma’ Diċembru, fejn it-total niżel għal 27,698 telefonata, id-differenza hija sinifikanti u tindika żieda ta’ madwar 45% bejn l-iktar xahar kwiet u dak l-aktar wieħed impenjattiv. Din mhijiex sempliċement varjazzjoni staġjonali, iżda riflessjoni diretta ta’ żieda fl-attività, moviment akbar ta’ nies u ritmu aktar intensiv tal-ħajja matul ix-xhur sħan.
L-aktar li kien hemm bżonn
kien is-servizz tal-ambulanza
Iżda, l-aktar element li jispikka huwa n-natura tat-telefonati li ġew trasferiti. F’kull xahar analizzat, l-akbar ammont ta’ sejħiet mgħoddija kien dejjem lejn id-Dipartiment tal-Emerġenza, jiġifieri l-ambulanzi. F’Lulju biss, 7,447 telefonata ġew diretti lejn dan is-servizz, segwit minn Awwissu b’7,321 u Ġunju b’6,665. Anke fix-xhur li segwew, minkejja tnaqqis ġenerali fit-total ta’ sejħiet, it-trasferimenti lejn l-ambulanzi baqgħu dominanti b’total ta’ 6,174 f’Settembru; 6,491 f’Ottubru; u 6,944 f’Diċembru.
Meta mqabbel mat-total ta’ sejħiet, jirriżulta li bejn madwar 18% u 25% tat-telefonati kollha kienu jeħtieġu intervent mediku immedjat, rata li turi l-piż li s-servizzi tas-saħħa qiegħed iġorru b’mod kontinwu.
Rigward it-telefonati trasferiti lejn servizzi oħra, irriżulta li l-Protezzjoni Ċivili laħqet il-massimu ta’ telefonati mgħoddija lilha f’Lulju b’1,771 telefonata filwaqt li l-Pulizija rreġistrat 833 fl-istess xahar. L-Armata, min-naħa tagħha, baqgħet marġinali b’ċifri li qatt ma qabżu t-22 telefonata fix-xahar.
Sistema li qiegħda
tintuża mill-pubbliku
Interessanti wkoll li hekk kif il-volum totali ta’ sejħiet jonqos lejn l-aħħar tas-sena, l-ammont ta’ telefonati lejn l-ambulanzi ma jonqosx bl-istess rata. Dan jista’ jindika li fix-xhur tax-xitwa, minkejja inqas sejħiet ġenerali, il-każijiet li jaslu jkunu aktar serji jew urġenti fin-natura tagħhom.
F’dan il-kuntest, fl-aħħar snin il-Gvern Laburista kompla jinvesti b’mod sostnut fis-servizzi tal-emerġenza tagħna bil-għan li jindirizza ż-żieda fid-domanda. Fost il-miżuri li ttieħdu hemm it-tisħiħ tal-flotta tal-ambulanzi u investiment kontinwu fil-ħaddiema mediċi u paramediċi, kif ukoll titjib fis-sistemi ta’ koordinazzjoni u dispatch tal-112 biex jitnaqqas il-ħin ta’ rispons.
Sorsi uffiċjali jindikaw ukoll li sar investiment fit-taħriġ speċjalizzat u f’apparat modern, filwaqt li s-servizzi ta’ emerġenza komplew jiġu integrati aħjar bejn l-entitajiet differenti bħall-Protezzjoni Ċivili u l-Pulizija. Dan kollu għandu l-għan li jsaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistema u jassigura rispons aktar effiċjenti, speċjalment f’perjodi kritiċi bħas-sajf fejn id-domanda tilħaq il-quċċata tagħha.
Dawn iċ-ċifri mhux biss juru kemm is-sistema qiegħda tintuża mill-pubbliku, imma wkoll fejn qiegħda tiġi eżerċitata l-akbar pressjoni. Is-sajf, għal darb’oħra, joħroġ bħala l-aktar perjodu kritiku u dan mhux biss għan-numru ta’ telefonati, iżda għall-fatt li ammont sinifikanti minnhom jispiċċa jeħtieġ intervent immedjat minn ambulanza.

